Metsola tfalli l-ewwel test fil-kampanja elettorali – taħrab mill-midja

Bħalissa, Metsola hija l-kandidat favorita għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li se jsiru s-sena d-dieħla, u huma ħafna mill-Partit Nazzjonalista li jikkunsidraw li tista tkun il-kap il-ġdid tal-PN u papabbli għal Prim Ministru

Il-President tal-Parlament Ewropew u deputata Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, Roberta Metsola evitat milli tkellem ġurnalist tal-gazzetta MaltaToday waqt laqgħa fil-kampus tal-MCAST il-Ġimgħa.  

Iż-żjara ta’ Metsola kienet waħda li ġiet immarkata anke bi protesta mill-istudenti li laqgħuha b’kartelluni f’idejhom filwaqt li jallegaw li ffaċilitat ġenoċidju; dan b’referenza għal dak li qed iseħħ f’Gaża, u r-reazzjoni tagħha bħala President tal-Parlament Ewropew.  

Ġurnalist u fotografu tal-gazzetta MaltaToday ġew mitluba minn uffiċjal tas-sigurtà tal-iskola stess biex jitilqu mill-MCAST,  ftit minuti qabel ma’ waslet Metsola. Kelliem ta’ komunikazzjoni min-naħa tagħha, saħaq li l-midja ma kinitx mistiedna għal dik iż-żjara.  

L-ekwipaġġ tal-ġurnalisti stennew fuq barra sakemm spiċċa l-avveniment, iżda inzerta li  Metsola ħarġet minn bieb ieħor. Kelliem tal-Parlament Ewropew spejga li dak ġara għax Metsola kienet tard għall-appuntament ieħor.    

Wara, uffiċjali tal-MCAST iċċaraw li huma ma kellhomx x’jaqsmu ma’ dak li kien għadu kif ġara u mad-deċiżjoni li l-midja ma żżurx l-avveniment.  

Metsola u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, it-tnejn li huma żaru l-Iżrael wara l-attakki tal-Ħamas, fejn inqatlu 1,400 persuna inkluż nisa u tfal u 200 nżammu bħala ostaġġ ġewwa Gaza. Il-Ħamas huma kkunsidrati bħala grupp terroristiku mill-UE, imma ġew eletti demokratikament ġewwa Gaza. 

Bħalissa, Metsola hija l-kandidat favorita għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li se jsiru s-sena d-dieħla, u huma ħafna mill-Partit Nazzjonalista li jikkunsidraw li tista tkun il-kap il-ġdid tal-PN u papabbli għal Prim Ministru. 

More in Politika