Sottomessi pjanti għall-ikbar spazju aħdar f’San Ġwann

Madwar 6,000 resident se jgawdi minn spazju miftuħ u sostenibbli. Dan mistenni jkun l-akbar spazju aħdar fiż-żona urbana ta’ San Ġwann

Wara konsultazzjoni mar-residenti, Project Green issottometiet il-pjanijiet lill-Awtorità tal-Ippjanar għat-trasformazzjoni taċ-ċentru ta’ San Ġwann, b’ġonna u żoni ta’ rikreazzjoni li se jieħdu post triq arterjali traffikuża.

Iċ-ċentru ta’ San Ġwann mistenni jara l-iżvilupp ta’ proġett ambjentali li se jitgawda minn madwar 6,000 familja. Dan parti mill-kullana ta’ proġetti ‘Project Green’ proposti mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża.

Il-proġett se jtejjeb l-infrastruttura ta’ din it-triq arterjali traffikuża u jintroduċi żoni pedonali u korsiji ddedikati għar-roti. Barra minn hekk il-parkeġġ il-ġdid taħt l-art se jirdoppja l-ammont ta’ parkeġġ attwali fil-livell tat-triq, biex tiġi żgurata aktar aċċessibbiltà.

Il-pjanijiet tal-proġett jitolbu li parti mit-triq Vjal ir-Rihan, tinbidel fi spazju miftuħ ta’ 7,200 metru kwadru għall-komunità. Barra minn hekk il-proġett se jikkonsisti wkoll fi ġnien akwatiku, bandli, teatru miftuħ, żona komunitarja u żoni rikreattivi oħra, imdawrin b’aktar minn 350 siġra ġdida addizzjonali.

Waqt konferenza tal-aħbarjiet, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Steve Ellul ħabbru d-dettalji ta’dan il-proġett flimkien mas-Sindku ta’ San Ġwann Trevor Fenech. L-pjanijiet tal-proġett  ġie propost wara xhur ta’ impenn komunitarju, b’attivitajiet ta’ konsultazzjoni li nvolvew fost oħrajn il-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann, organizzazzjonijiet lokali u negozji fiż-żona.

Il-Ministru Miriam Dalli qalet li “dan  il-park  ġdid, quddiem il-knisja parrokkjali, l-iskola u żoni oħra importanti tal-komunità, se jsir l-akbar spazju aħdar fiż-żona urbana ta’ San Ġwann,”  

Minn naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv, Steve Ellul qal li “dan l-ispazju miftuħ se jkun qed iservi bħala pulmun aħdar u  huwa  aċċessibbli  f’inqas  minn  10  minuti  mixi  għall-13,000  resident,  li  huwa  90%  tan-nies  li  jgħixu  f’San Ġwann.”

Għal aktar informazzjoni wieħed jista' iżur www.project.green 

 

More in Politika