Clyde Caruana jisħaq fuq id-dixxiplina fl-infiq pubbliku

Fit-tnedija tad-dokument ta' qabel il-budget, il-Ministru għall-Finanzi qal li s-sussidji fuq l-enerġija u l-fjuwils se jibqgħu fis-seħħ

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana saħaq fuq il-bżonn ta' dixxiplina fin-nefqa pubblika hekk kif ġie mniedi d-dokument ta' qabel il-budget.

Dan filwaqt li bassar li l-ekonomija ta' Malta għandha tikber b'rata ta' 4.4% s-sena d-dieħla u li d-defeċit għandu jinżel għal madwar 4.5%. Waqt il-preżentazzjoni tad-dokument ta' qabel il-budget, Caruana ma tax ħafna dettalji fuq il-miżuri tal-budget innifishom, hekk kif iffoka aktar fuq il-kuntest ekonomiku li fih dawn se jiġu implimentati. 

Fid-dawl tal-isfidi ekonomiċi internazzjonali, Caruana saħaq li għandu obbligazzjoni li jassigura dixxiplina fl-infiq pubbliku. 

Fost l-aktar fatturi pertinenti li se jinfluwenzaw il-budget għas-sena d-dieħla, Caruana stqarr li fl-aħħar ta' din is-sena, l-inflazzjoni se tibqa' f'rata ta' madwar 5%, hekk kif innota li minkejja li din ir-rata qed titbaxxa' bilmod, se tibqa' ogħla mir-rata normali għaż-żmien li ġej.

Il-Ministru kkonferma wkoll li l-mekkaniżmu tal-COLA għas-sena d-dieħla se jiżboq dak ta' din is-sena li kien rekord ta' żieda ta' €9.90 fil-ġimgħa. Dwar dan, Caruana kien assertiv hekk kif qal li ż-żidiet tal-COLA se jiġu assorbiti kollha kemm huma minn min iħaddem, u żied li jekk ikun hemm proposti biex il-Gvern jassorbi parti minn din iż-żieda, dawn il-proposti mhux se jingħataw widen.

Dwar is-sussidji tal-Gvern fuq l-enerġija, il-fjuwil u l-ikel, dawn jidru li se jibqgħu fis-seħħ minkejja l-appelli mill-Kummissjoni Ewropea biex l-istati membri tal-Unjoni Ewropea jwaqqfu dawn is-sussidji. B'rabta ma' dan, Caruana qal li l-poplu Malti u Għawdxi m'għandux jimmaġina li dawn is-sussidji se jibqgħu fis-seħħ għal dejjem.

Rigward il-bżonn li Malta tiġi konformi mar-regolamenti, Caruana spjega li pajjiżna għandu bżonn aktar viġilanza, u emfasizza l-bżonn ta' dixxipplina fiskali.

More in Politika