Tintlaqa’ t-talba għall-investigazzjoni fil-Kummissjoni Maltija Tal-Films

L-investigazzjoni se ssir mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika

F’stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista, dan stqarr, li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) laqa’ t-talba sabiex ikun investigat l-infieq tal-Kummissjoni Maltija tal-Films.

It-talba kienet saret mit-tliet membri tal-Partit Nazzjonalista fil-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi Darren Carabott, David Agius u Graham Bencini, flimkien mal-Kelliem għall-Wirt Storiku, l-Arti u l-Kultura Julie Zahra.

Il-Kummissjoni rrappurtat infieq ta’ kważi €137 miljun tul l-aħħar ħames snin, u dan sar lejn soċjetajiet irreġistrati barra minn xtutna.

Fost affarijiet oħra, l-NAO se tkun qed tevalwa jekk ix-xogħol tal-Kummissjoni kienx skont pjanijiet nazzjonali u Ministerjali ċari, u kemm il-pjanijiet finanzjarji kienu jinkludu dettalji tal-attivitajiet priċipali kollha

Il-pożizzjoni tal-PN hija li dawn il-miljuni kellhom jintefqu f’setturi oħra, “fosthom anke biex tissaħħaħ il-kultura.” Kienu bosta kumpaniji ta’ produzzjonijiet lokali li lmentaw li huma ftit li xejn ikunu inċentivati sabiex jagħmlu dan ix-xogħol, meta mbagħad qed jintefqu miljuni kbar sabiex jinċentivaw kumpaniji barranin.

 

More in Politika