Baħar ta' bnadar Palestinjani fil-ftuħ tal-Europride

Dan b'reazzjoni għall-kantanta mill-Iżrael li fetħet l-avveniment, li għandha konnessjonijiet mal-Gvern oppressiv tal-Iżrael

Il-kantanta mill-Iżrael Netta Barzilai, li l-preżenza tagħha bħala l-artista prinċipali tal-ftuħ tal-Europride qajmet kontrovesja kbir, kienet milqugħa minn għajjat ta’ “eħilsu l-Palestina” u numru ta’ bnadar tal-Palestina waqt l-ispettaklu tagħha.

Kawża ta’ dan, il-ftuħ tal-avveniment beda aktar tard milli skedat, hekk kif Pulizija u uffiċċjali tas-sigurtà blokkaw l-attivisti milli jersqu lejn il-palk.

Fil-ġimgħat qabel l-avveniment, mat-tħabbir ta’ Barzilai, numru t’attivisti kienu rrabbjati hekk kif hi pubblikament u frekwentament esprimiet is-sapport tagħha lejn l-oppressjoni tal-Palestinjani mill-istat Iżraelit.

Il-fatt li l-kantanta għandha storja twila ta’ parteċipazzjoni f’okkażjonijiet ta’ ċelebrazzjonijiet ta’ Pride kien l-argument tal-organizzaturi, hekk kif irrifjutaw it-talbiet tal-attivisti sabiex tiġi revokata l-istedina tagħha.

Fi sforz sabiex titwaqqaf Barzilai milli tkompli tiddevja l-attenzjoni mill-azzjonijiet tal-Iżrael fl-oppressjoni tal-Palestinjani, numru ta’ NGOs flimkien mal-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca, kienu ingħaqdu sabiex jitolbo li din ma titħallhiex tipparteċipa fl-avveniment.

Fi stqarrija miktuba fuq Facebook, l-għaqda Moviment Graffitti saħqet li Barzilai spiss tipparteċipa f’avvenimenti mtellgħin mill-Gvern tal-Iżrael, barra l-pajjiż, li jinkludu kommemorazzjonijiet tat-tkeċċija tal-Palestinjani minn pajjiżhom, kif ukoll avvenimenti ta’ politika leminija estrema.

“Skont Barzilai, ir-reputazzjoni ħażina tal-istat Iżraelit fuq skala internazzjonali huwa sempliċiment minħabba perċessjonijiet ħżiena, u mhux minħabba l-politika ta’ terror li jattwaw," żiedet l-għaqda.

Temmew billi saħqu li s-soċjetà ċivili tal-Palestina trid li d-dinja tagħmel pressjoni fuq l-Iżrael, premezz ta’ boycotts u sanzjonijiet kontra dawk kollha li huma b’xi mod involuti mal-azzjonijiet tal-Gvern, simili ta’ kif ġara fl-Afrika t’Isfel lura fis-snin 90, li wasslu sabiex il-Gvern kien imwaqqa’.

More in Politika