Il-Prim Ministru Robert Abela għandu jerfa' r-responsabbilità għall-iskandlu tal-benefiċċji soċjali. Dan kien il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista waqt konferenza tal-aħbarjiet l-Erbgħa filgħodu.
Hawn tkellmu l-Kelliem għall-Anzjanità Attiva Paula Mifsud Bonnici u l-Kelliem għad-Djalogu Soċjali Claudette Buttigieg, fejn intqal kif, "Robert Abela qed juri li qed jibża’ jerfa’ r-responsabbiltà meta lanqas biss qed iwieġeb għall-allegazzjonijiet li saru, fost oħrajn, dwar uffiċċju f’Kastilja."
Min-naħa l-oħra, huma staqsew ukoll dwar il-pożizzjoni tal-Ministru Michael Falzon dwar dan l-iskandlu, fejn appellaw sabiex jitbiegħed minn din l-iskema frawdalenti. Appellaw lil Falzon ukoll sabiex jinvestiga lil dawk involuti jekk dan mhux qed isir mill-Prim Ministru, filwaqt li stqarru li skemi bħal dawn "ma jsirux f’pajjiż normali fejn id-demokrazija hi pilastru ewlieni."
Il-kelliema qalu li dan l-iskandlu jidher li ġej minn livelli għoljin fil-Gvern, filwaqt li rrimarkaw li l-iskema hija maħduma minn xibka ta' kriminalità organizzata bil-barka tal-Gvern.
"Pajjiżna jinsab fi kriżi soċjali, bil-poplu hu rrabjat b’dan is-serq sfaċċat. Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed jaħdem biex pajjiżna jitnaddaf minn dan il-ħmieġ, kif ukoll biex il-Maltin u l-Għawdxin kollha jkollhom ħajja aħjar f’pajjiżna," temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.
Intant, il-Partit Laburista stqarr li Robert Abela u l-entitajiet relevanti fil-Ministeru konċernat ħadu azzjoni immedjata.
"Bħal dejjem, il-Partit Nazzjonalista mhux interessat fil-vera ġustizzja u li l-istituzzjonijiet jagħmlu x-xogħol tagħhom," temm jgħid il-Partit Laburista.