Jitlesta l-proġett tal-breakwater u l-mollijiet f'Marsaskala

Dan sar b’investiment ta’ €1.9 miljun, proġett li kien ko-finanzjat mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

Nhar il-Ħamis 24 t’Awwissu, tħabbar it-tmiem tax-xogħolijiet fuq il-breakwater u l-mollijiet li jinsabu fil-parti ta’ ġewwa tal-bajja ta’ Marsaskala.

Dan sar b’investiment ta’ €1.9 miljun, proġett li kien ko-finanzjat mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.

L-ewwel fażi tiegħu kienet komposta mir-rikostruzzjoni ta’ 140 metru ta’ molljiet tul Triq San Ġorġ, viċin il-Knisja Parrokkjali ta’ Marsaskala. Huma ġew rinovati mill-ġdid, wara li kien nqassmu l-uċuħ tal-konkos tal-pedamenti tagħhom, kif ukoll iġġarrfu xi biċċiet għal ġol-baħar, kawża ta’ għexieren ta’ snin ta’ erożjoni mill-baħar stess.

Infrastucture Malta rat li dawn il-mollijiet jinbnew b’disinn “ġdid u aktar sigur,” li jinkludi ħajt li jservi ta’ tarka mill-mewġ għan-nies li jkunu mexjin, kif ukoll il-binjiet ta’ faċċata.

It-tieni fażi kienet il-konsolidazzjoni u l-bini mill-ġdid tal-breakwater, li kien mibni madwar 80 sena ilu. Dan għalhiex, filwaqt li l-istruttura sottomarina tan-naħa ta’ barra kienet intatta, iċ-ċentru kien ċeda. Qiegħ il-baħar ġie nvellat b’blokki kbar ta’ konkos precast minn tim ta’ benneja u għaddasa, wara li dawn neħħew il-partijiet kollha li ma kienux f’kundizzjoni tajba.

Segwentament, 16-il pilastru tal-konkos għoljin 3 sulari ġew imqiegħda fuq il-konkos, filwaqt li gverta ġdida tal-konkos kif ukoll ħajt għall-mewġ ġdid ġew kostrutti.

Finalment, ġew installati numru ta’ slielem għas-sigurtà, kif ukoll għajnuniet oħra għan-navigazzjoni tal-baħħara.

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia tenna dwar il-priorità li għandha tingħata l-infrastruttura marittima ta’ Malta, bħala riżors ewlieni għall-iżvilupp ekonomiku lokali. Huwa sostna li, “l-investiment fl-infrastruttura marittima tagħna huwa kruċjali, speċjalment meta wieħed iqis li aħna stat gżira. Dan is-settur huwa kruċjali biex tissaħħaħ u tiġi żgurata l-kompetittività u l-ekonomija ta’ pajjiżna.”

Is-Segretarju Parlamentari  għall-Fondi Ewropej Chris Bonett ukoll għamel enfasi fuq l-importanza ta’ dan il-proġett. Huwa saħaq li, “dan il-proġett, flimkien ma’ xogħlijiet oħrajn li qed isiru fiż-żewġ portijiet tas-sajd l-oħra f’Marsaxlokk u l-Imġarr Għawdex, jenfasizzaw il-wegħda tal-gvern li jipprovdi futur aktar sostenibbli billi jagħmel użu mill-Fondi Ewropej biex tiżdied il-flessibbiltà għas-sajjieda u jitjiebu l-effiċjenzi operattivi f’dawn il-portijiet,”

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said żiedet li, “il-breakwater se jgħin biex is-sajjieda jkollhom aċċess aħjar għall-bastimenti tagħhom. Fl-istess ħin, il-proġett qiegħed iwassal għal iktar kenn lid-dgħajjes kollha li jkunu sorġuti fil-port. “

Bħalissa Infrastructure Malta għaddejja ukoll b’proġett ieħor ta’ bini ta’ breakwater ġdid, f’Buġibba. Dan jinkludi l-iżvilupp tal-breakwater l-antik f’terminal ġdid tal-passiġġieri.

More in Politika