Il-PN iħabbar l-għeluq temporanju tal-każin fil-Ħamrun

Dan wara li waqt il-festa tar-raħal, raġel jakkumpanja lil Bernard Grech ġie aggredit minn nies li kien hemm ġewwa

Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista il-Ġimgħa 18 t’Awwissu, tħabbar li l-każin tal-partit fil-Ħamrun se jkun temporanjament magħluq.

Id-deċiżjoni ttieħdet mill-Kunsill Amministrattiv tal-partit, u għal perjodu indefinit.

Dan wara li allegatament il-Kap tal-partit Bernard Grech ma tħallhiex jidħol ġewwa nhar il-Ħadd 13 t’Awwissu, waqt il-festa tar-raħal. F’dan l-inċidenti ġie rrappurtat li raġel li kien qed jakkumpanja lil Grech ġie aggredit minn xi nies li kienu fil-każin, b’tant aggressjoni li kien jesiġi operazzjoni f’irkupptejh.

Il-vittma, Noel Mifsud Bonnici, jiġi minn Grech.

Sal-Ħamis 17 t’Awwissu, hu kien għadu l-isptar, meta t-tifla tiegħu tellgħet ritratt miegħu fuq il-midja soċjali fejn iddikjarat li hi “eks-Nazzjonalista,” u li missierha kien ħaruf tas-sagrifiċju wara li ħadd ma ddefendih.

Il-Partit Nazzjonalista għadu s’issa ma ħariġx stqarrija fuq l-inċident.

More in Politika