Il-fjask ta’ Abela fil-konfront tal-mewt ta’ Jean Paul Sofia

“Morna lura għaż-żmien ta’ Gonzi." Dan kien il-mod li Ministru Laburista tkellem dwar is-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Gvern wara li fil-Parlament, ivvota kontra mozzjoni għal inkjesta pubblika dwar il-mewt ta' Jean Paul Sofia

“Morna lura għaż-żmien ta’ Lawerence Gonzi fejn kollox kien jiġri mhux minħabb deċiżjoni, imma għax hekk ġara.” Dak li stqarr mal-gazzetta ILLUM Ministru prominenti Laburista.  Dan qalu wara li għażilna li nitkellmu ma’ bosta Ministri u deputati Laburisti li qalulna li hemm rabja kbira mill-Laburisti għad-deċiżjoni ta’ Robert Abela li ma jieħux deċiżjoni fuq il-bżonn ta’ inkjesta pubblika dwar il-mewt traġika ta’ Jean Paul Sofia. 

“Issa ħareġ il-karattru ta’ Robert, ma jieħux deċiżjoni u jħalli d-destin jiddeċiedi għalih, eżatt bħal ma kien jagħmel Lawrence Gonzi.  U ġabna eżatt bħal fi żmien Gonzi, nibżgħu nuru x’naħsbu u ma nafux x’ser jiġri għada.” 

L-ILLUM irnexxielha titkellem ma tliet Ministri u sitt deputati Laburisti u kollha stqarrew li qatt ma ħassewhom daqstant ‘disconnected’ mill-elettorat Laburista.   

“Ħafna minnha ma ngħidu xejn għax ma nafux jekk jeħodna tajjeb jew ħażin, imma hemm nuqqas kbir fil-partit ta’ xi ħadd li jgħidlu l-affarijiet kif inhuma.”  

Wara l-vot fil-parlament dwar mozzjoni mressaq mill-Partit Nazzjonalista biex ikun hemm inkjesta pubblika dwar it-traġedja li waslet għall-mewt ta’ Jean Paul Sofia, bosta deputati stqarrew li baqgħu ma jifhmux minn fejn kienet ġejja l-intransiġenza ta’ Robert Abela. 

“Kont naf, li meta l-familjari bdew jgħajjruna fil-gallerija tal-parlament, li konna għamilna żball madornali. Ilna ma naraw xena bħal din.” 

“Lanqas ma nista nemmen li ħadd minnha ma kellu l-ispina biex jitkellem kontra l-pożizzjoni ta’ Abela, imma wara dan il-vot ma ngħidx li l-affarijiet ħa jibqgħu l-istess.” 

Deputat ieħor qal li l-Gvern ma jieħu deċiżjoni fuq xejn, u wara l-U-turn fuq il-kwistjoni tal-abort “... dan kien jonqos.” 

Ministru ewlieni kompla: “Imbgħad biex inkomplu nitfgħu melħ fuq il-ferita jiddeċiedi l-ewwel imur kunċert Girgenti u imbgħad  jitlaq għall-Sqallija fuq id-dgħajsa. Ommi ma!” 

“Il-Laburist mhux qed jifhem x’qed jiġri u ser ikollna knockout fl-elezzjonijiet tal-Ewropa.” 

More in Politika