Joseph Muscat jixhed għat-tielet darba fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi

Fix-xhieda tiegħu, Muscat qal li huwa ltaqa' għall-ewwel darba mal-Electrogas wara li ntrebaħ it-tender, filwaqt li qal li hu qatt ma ħa flus minn dan il-proġett

Reġa’ tela’ jixhed fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, fejn f’bosta okkażjonijiet, Muscat stqarr li l-mistoqsijiet li qed isiru min-naħa taċ-Chairman tal-Kumitat, Darren Carabott huma ‘il barra mill-kompetenza tal-kumitat.

Waqt is-seduta tal-lum, ikkaratterizzata minn diversi battibekki bejn il-membri tal-Kumitat, u anke bejn ix-xhieda u l-membri, Muscat ġie mistoqsi meta huwa ltaqa’ għall-ewwel darba mal-consortium tal-Electrogas. Hawn, huwa wieġeb li ltaqgħu għall-ewwel darba wara li t-tender intrebaħ mill-istess Consortium, u stqarr li sar jaf bil-problemi finanzjarji tal-Gasol, liema kumpanija kienet parti mill-Electrogas, wara li dawn il-problemi ħarġu fil-pubbliku, u qal li l-Gasol qatt ma ġiet diskussa fil-Kabinett.

Iċ-Chairman, Darren Carabott stqarr li t-tluq tal-Gasol mill-Electrogas kienet tmur kontra l-obbligi kuntrattwali, iżda għal dan, Muscat irribatta li l-Enemalta kienet ngħatat pariri legali differenti. Minkejja dan, Muscat qal li dan kien biss dak li qalulu f’dak iż-żmien u ma jafx jekk hemmx provi bil-miktub ta’ dan il-parir.

Carabott irrefera għal artiklu li jmur lura għall-2016, fejn Muscat kien irrefera għal possibilità ta’ konnessjoni bejn it-tluq ta’ Gasol mill-consortium u t-trasferiment tal-kumpaniji barranin ta’ Konrad Mizzi, li ġraw fl-istess ġurnata, bħala bluha. Fil-Parlament, Muscat reġa’ tenna l-istess twemmin.

Fis-seduta ntqal ukoll li meta ġew mistoqsija b’mod dirett minn Muscat dwar jekk qattx ħadu flus mill-proġett tal-Electrogas, Keith Schembri u Konrad Mizzi stqarru li ma kinux se jagħmlu hekk. Muscat qal li peress li “kienu gidbu” fuqu meta ntqal li huwa kien qed jieħu l-flus mill-proġett, huwa assuma li l-istess nies kienu qed jigdbu bl-istess mod dwar Mizzi u Schembri.

Muscat iddefenda numru ta’ deċiżjonijiet li kien għamel meta kien Prim Ministru, fosthom li neħħa l-portafoll tal-Ministeru tal-Enerġija minn Konrad Mizzi, filwaqt li żammu bħala Ministru b’portafoll ieħor.

L-eks Prim Ministru ġie mistoqsi wkoll ir-relazzjoni tiegħu ma’ Yorgen Fenech, fejn qal li r-relazzjoni ta’ bejniethom kienet waħda ta’ ħbiberija. Dwar Fenech, Muscat qal li huma qatt ma ddiskutu dwar il-kumpanija tiegħu 17 Black u lanqas l-Electrogas.

More in Politika