Il-Pont tax-Shell f’Birżebbuġa: Għadhom qed isiru l-istudji

Ir-riġenerazzjoni tal-Pont tax-Shell f’Birżebbuġa tħabbret fl-20 ta’ Marzu tal-2022, ftit jiem qabel l-Elezzjoni Ġenerali. Sa issa, minn informazzjoni li kisbet l-ILLUM jidher li dan il-proġett, fost numru ta’ proġetti oħra in-nies ta’ Birżebbuġa jingħataw lura dak li ttiħdilhom, għadu fl-istadju ta’ studji estensivi u għaldaqstant mhux magħruf meta se jibdew ix-xogħolijiet fuq l-istruttura 

Il-proċess biex jitlesta’ x-xogħol fuq dak li huwa magħruf bħala l-Pont tax-Shell f’Birżebbuġa huwa wieħed twil, u sa issa jidher li m’hemmx indikazzjoni ta’ meta x-xogħol se jitlesta u jinfetaħ għall-pubbliku, hekk kif kien imwiegħed. 

Ir-riġenerazzjoni tal-Pont tax-Shell f’Birżebbuġa kienet tħabbret fl-20 ta’ Marzu tas-sena l-oħra, fejn il-Miriam Dalli, dak iż-żmien il-Ministru għall-Enerġija, qalet li dan se jkun qed isir b’investiment ta’ €4 miljun. Għal deċenji sħaħ, din l-istruttura kienet tintuża minn bastimenti li jġorru ż-żejt biex imexxu ż-żejt minn fuq il-bastiment għall-impjant 31 ta’ Marzu, li jinsab faċċata tat-triq mill-pont. 

Wara l-għeluq tal-istess impjant fl-2021, liema impjant kien ilu jaħżen iż-żejt għal aktar minn 120 sena, il-ħażna mxiet lejn l-impjant ta’ Ħas Saptan, li għall-kuntrarju tal-impjant ta’ 31 ta’ Marzu, huwa ‘l bogħod minn żoni residenzjali. 

B’reazzjoni għall-mistoqsijiet mibgħuta minn din il-gazzetta, il-Ministeru għall-Enerġija u l-Ambjent spjega l-proċess rigoruż u x-xogħol li jrid isir sabiex dan il-pont jingħata lill-pubbliku u fuq kollox biex il-baħar li hemm madwaru jkun jista’ jintuża minn kulħadd għall-għawm u s-sajd. 

Hawn ġie spjegat li l-pont għad għandu l-infrastruttura li kienet tintuża b’rabta mal-ħażna tal-fjuwil u din l-infrastruttura, flimkien mal-infrastruttura tal-konkrit li għadha parti mill-pont, iridu jitneħħew u jiġu modifikati. Dan sabiex il-pont ikun jista’ jissaħħaħ u b’hekk għad hemm il-bżonn li jiġu ssodati l-pilastri u tinbena struttura ġdida biex tkun tista’ ssir żona pedonali. Din hija ż-żona li se tkun tista’ tintuża għall-aċċess għall-baħar f’forma ta’ pjattaforma u taraġ.   

Hawn, kelliema mill-Ministeru għall-Ambjent u l-Enerġija stqarret li x-xogħol li sar sa issa huwa wieħed preliminarju, li skontha, “minnhu ġew stabbiliti l-istudji tekniċi neċessarji għall-evalwazzjoni sħiħa tax-xogħol li jrid isir, kemm dak ta’ manutenzjoni, riġenerazzjoni u xogħol infrastrutturali biex il-moll jinbidel fi spazju sigur bl-aktar mod sostenibbli.” Hija spjegat li dan l-ippjanar estensiv u fit-tul huwa minħabba s-sensittività taż-żona, b’mod speċjali l-baħar ta’ madwar il-pont. 

Apparti minn hekk, ġie spjegat li l-assessjar ta’ dan il-proġett huwa maqsum f’fażijiet differenti, hekk kif iż-żona trid tiġi studjata permezz ta’ “spezzjonijiet strutturali, ittestjar b'diversi teknoloġiji bħal ultrasound, radjografija u georadar.”  

Dan ix-xogħol għandu jiddetermina kemm hi b’saħħitha l-istruttura eżistenti u kemm tiflaħ iġġorr, apparti l-fatt li għad irid ikun magħruf l-istat ta’ degredazzjoni tal-materjal tal-moll, li jista’ jsir permezz ta’ testijiet f’laboratorju. Il-kelliema mill-Ministeru spjegat ukoll kif apparti dan kollu, hemm bżonn ukoll li “jitwettaq stħarriġ batimetriku madwar il-moll, li jeżamina l-fond tal-baħar u s-saffi ta' qiegħ il-baħar madwar l-istruttura, biex jiġu magħrufa s-saffi ta' sedimentazzjoni, fost oħrajn.” 

Il-proċess sħiħ ta’ ittestjar li għad irid jitlesta huwa l-pass li jeħtieġ li jsir għall-preparazzjoni għall-proċessi amministrattivi, fosthom dawk tal-permessi, biex biss wara li jitlesta’ dan il-pass, jibda x-xogħol fuq il-pont. 

More in Politika