‘Id-diżinteress fil-politika hija kawża ta’ poplu li jiddependi inqas mill-partiti’

L-ILLUM tkellmet mad-Direttur tal-Istitut tal-Istudji Ewropej fl-Università ta’ Malta, Mark Harwood, li b’rabta mal-istħarriġ tal-Istat tan-Nazzjon, qal li l-partiti politiċi kbar iridu jaraw x’se jagħmlu biex ma jitilfux il-fiduċja għall-kollox tal-votanti żgħażagħ qabel ma jkun tard wisq 

Id-diżinteress fil-politika mill-votanti żgħażagħ jaf tkun uġiegħ ta’ ras kbira għaż-żewġ partiti politiċi kbar fil-futur, jekk ma jagħtux l-attenzjoni meħtieġa lil din il-parti mill-elettorat. Dan kien il-ħsieb tad-Direttur tal-Istitut tal-Istudji Ewropej fl-Università ta’ Malta, Mark Harwood, meta mistoqsi għar-reazzjoni tiegħu dwar l-istħarriġ tal-Istat tan-Nazzjon.  

Dan l-istħarriġ serva bħala eżerċizzju biex il-poplu Malti jgħid tiegħu fuq diversi temi, kif ukoll sabiex ikun hemm stampa ċara ta’ kif jgħixu l-Maltin u l-Għawdxin - minn dak li jemmnu fih sa dak li jaħsbu dwar il-futur. 

Serva wkoll bħala evidenza ta’ poplu li nbidel ferm tul iż-żminijiet, u li qiegħed ikompli jinbidel, b’mod notevoli fl-oqsma tal-politika u t-twemmin reliġjuż. Din il-gazzetta tkellmet mad-Direttur tal-Istitut tal-Istudji Ewropej fl-Università ta’ Malta, Mark Harwood, li kiteb u għamel riċerka dwar numru ta’ oqsma f’pajjiżna, b’mod speċjali l-politika. 

L-ILLUM staqsiet lill-Prof Harwood dwar il-fatt li mill-istħarriġ, jidher li aktar ma jgħaddi żmien, il-poplu Malti qed jagħti inqas u inqas importanza għall-politika, hekk kif fl-2023, huma biss 37.4% tal-Maltin li qalu li l-politika hija importanti ħafna, li jfisser li dan in-numru naqas b’aktar minn 10% mill-2021. 

Harwood innota li dan ir-riżultat jidher li jindika li parti kbira mill-elettorat Malti m’għadux iħoss il-bżonn li jivvota jew li jibqa’ leali lejn partit politiku ieħor, iżda stqarr li dan jista’ jkun impatt ieħor minn dak li seħħ fil-pandemija ftit snin ilu, fejn il-Covid-19 bidlet diversi oqsma fil-ħajja ta’ individwi u anke b’mod kollettiv fis-soċjetà.  

Hawn, jinnota Harwood, il-Maltin u l-Għawdxin issoċjalizzaw inqas u l-partiti politiċi ma setgħux jinteraġixxu mal-elettorat b’mod normali, fosthom permezz ta’ żjarat fost in-nies u ‘mass meetings’, filwaqt li rrimarka li l-finanzi tal-partiti setgħu kienu impattati mil-pandemija wkoll. “Dan seta’ wassal għal tibdil fil-mod ta’ kif wieħed iħares lejn il-partiti politiċi, b’possibilità li l-opinjonijiet dwar il-partiti politiċi jerġgħu imorru lura għan-normalità wara ċertu żmien”, spjega Harwood. 

Minkejja dan, huwa saħaq li r-relazzjoni mbiegħda bejn l-elettorat u l-partiti politiċi xorta waħda tidher li se tkun qed titbieħed maż-żmien, hekk kif id-distanza hija waħda kbira fost il-votanti żgħażagħ, li tista’ tindika li l-bidla se tkun qed issir fis-soċjetà ġenerali aktar ma jgħaddi żmien. 

B’rabta ma’ dan id-diżinteress mill-elettorat, kif anke xehdet l-elezzjoni ġenerali tal-2022, Harwood qal lil din il-gazzetta li l-partiti politiċi għadhom m’humiex imħassba kemm wieħed jistenna li jkunu mħassba meta wieħed iqis in-numru ta’ persuni diżinteressati fil-politika. Dan hekk kif skont hu jidher li l-partiti l-kbar se jirrikorru għal aktar klijenteliżmu biex jattiraw il-votanti. Min-naħa l-oħra jemmen li l-partiti għandhom jinkwetaw ferm iżjed dwar dan id-diżinteress.  

Harwood jinnota li x-xena politika Maltija qed tesperjenza bidla kontinwa illum aktar minn qatt qabel. Fost ir-raġunijiet għal dan, hemm revelazzjonijiet kontinwi li qed jimminaw politiċi individwali, żieda f’midja li mhix assoċċjata ma’ partiti politiċi, u ekonomija ħielsa, li tnaqqas il-bżonn li ż-żgħażagħ jirrikorru għal rabtiet politiċi biex isibu impjieg. 

Il-Professur Harwood ikkummenta wkoll dwar kif dan kollu jorbot max-xena politika lokali li hija kkaratterizzata minn żewġ partiti kbar. “Il-partiti rnexxielhom iduru mal-problema tat-tnaqqis fil-votanti bħallikieku jeżistu żewġ partiti biss”, stqarr Harwood. Spjega li f’tiġrija bejn żewġ żwiemel, l-unika prijorità taż-żwiemel huwa li huma jkunu ‘il quddiem mill-avversajru tagħhom. Huwa nnota li t-tnaqqis fil-lealtá lejn il-partiti jista’ jkun marbut ħafna mal-idea li ħafna Maltin juru d-disapprovazzjoni tagħhom lejn partit billi ma jivvutawx, minflok jivvutaw għal partit ieħor. 

Mark Harwood spjega li l-politika hija aktar aċċessibbli minn qabel, hekk kif illum il-ġurnata, il-politika mhix karriera biss għall-avukat jew it-tabib tar-raħal kif kienet is-sitwazzjoni żmien ilu. Stqarr li dan wassal biex il-partiti politiċi jinvestu aktar f’kandidati żgħażagħ biex jissimbolizzaw il-futur, u b’hekk aktar żgħażagħ qiegħdin jibdew karriera politika. Minkejja dan, sorprendentement, innota li l-istħarriġ tal-Istat tan-Nazzjon juri li ż-żgħażagħ huma l-aktar votanti diżinteressati mill-politika, hekk kif 21.7% biss taż-żgħażagħ bejn is-16 u l-25 sena qalu li jinteressahom ħafna mill-politika. 

B’rabta ma’ dan Harwood fisser li “ż-żewġ partiti politiċi jridu jaċċettaw li l-mod tradizzjonali ta’ kif jattiraw il-votanti jaf ma jkomplix ikun effettiv b’rabta ma’ votanti żgħażagħ.” 

Ir-Reliġjon 

Intant, il-Professur Harwood tkellem ukoll dwar dak li jgħid l-istħarriġ dwar ir-relazzjoni bejn il-Maltin u t-twemmin reliġjuż u spiritwali tagħhom. L-istħarriġ kien indika li t-twemmin f’Alla fost il-Maltin baqa’ wieħed b’saħħtu, hekk kif 88.5% stqarru li għandhom xi fidi jew oħra f’Alla,  filwaqt li ġiet innutata żieda ta’ 3.3% fost dawk li qalu li r-reliġjon huwa mportanti ferm għalihom. 

Hawn, Mark Harwood saħaq li jemmen f’differenza bejn meta wieħed jidentifika ma’ reliġjon u li jidentifika ma’ istituzzjoni reliġjuża. “It-tendenza fost soċjetajiet żviluppati huwa li l-fidi jsir aktar personali u li ma jkunx assoċċjat ma’ rekwiżiti ta’ istituzzjoni,” jispjega Harwood. 

Huwa qal li dan huwa evidenti fil-festi, li oriġinarjament huma assoċċjati ma figuri reliġjużi, iżda jżommu l-popolarità tagħhom minħabba r-rabtiet kulturali li għandhom. Harwood jagħmel referenza wkoll għan-numru kbir ta’ festi lokali marbuta mal-Madonna, u kif minkejja li jiċċelebraw l-istess figura, jiġu ċċelebrati b’modi differenti, li jwassal għal kompetittività bejn il-festi b’kuntrast għall-messaġġ tal-istess Madonna. 

More in Politika