Żvilupp fin-Nigret: Cyrus Engerer fost ħafna li ħareġ kontra dan l-iżvilupp

Intant, fuq il-midja soċjali, ir-residenti taż-Żurrieq aċċertaw li mhux se jissiektu wara din id-deċiżjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar, hekk kif hawn ġie mħabbar li, "Fil-jiem li ġejjin se nkunu qed niffurmaw għaqda għar-residenti u niġbru l-fondi meħtieġa biex niġġieldu dan l-isfreġju li se jseħħ fiż-Żurrieq, u f’bosta lokalitajiet oħra milquta mill-assedju tar-rgħiba."

L-Ewroparlamentari Laburista Cyrus Engerer huwa fost numru ta' Maltin li semmgħu leħinhom kontra l-iżvilupp f'art agrikola tan-Nigret fiż-Żurrieq.

Fuq Facebook, Engerer kiteb, "Li tonqos l-art naturali u agrikola fiż-żoni urbani dalwaqt jista' jkun kontra l-liġi Ewropea"

Huwa kien qed jagħmel referenza għall-fatt li fil-jiem li ġejjin, il-Kumitat tal-Ambjent se jkun qed jivvota fuq liġi li tirrestawra n-natura, liema liġi hija maħsuba biex jiġu rrestawrati u miżjuda l-ispazji naturali ħodor. Tenna li d-deċiżjoni li ttieħdet din il-Ġimgħa mill-Awtorità tal-Ippjanar ma jistax jerġa' jseħħ. 

Dan b'referenza għall-vot unanimu tal-istess awtorità, li jfisser li mal-11,590 metru kwadru se jiġu żviluppati, kontra x-xewqa ta' bosta persuni fiż-Żurrieq. Din l-art kienet ġiet meqjusa bħala parti miż-żona għall-iżvilupp skont il-pjanijiet lokali tal-2006. Din id-deċiżjoni għad trid tiġi approvata mill-Ministeru għall-Iżvilupp.

Ir-rabja mir-residenti taż-Żurrieq hija evidenti, hekk kif l-uffiċċji distrettwali fil-lokalitá tal-MInistri Miriam Dalli u Stefan Zrinzo Azzopardi ġew miksija b'posters fi protesta kontra l-iskiet taż-żewġ Ministri dwar dan l-iżvilupp.

Fuq il-midja soċjali, ir-residenti taż-Żurrieq aċċertaw li mhux se jissiektu wara din id-deċiżjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar, hekk kif hawn ġie mħabbar li, "Fil-jiem li ġejjin se nkunu qed niffurmaw għaqda għar-residenti u niġbru l-fondi meħtieġa biex niġġieldu dan l-isfreġju li se jseħħ fiż-Żurrieq, u f’bosta lokalitajiet oħra milquta mill-assedju tar-rgħiba."

More in Politika