Joseph Muscat jgħid li hemm min irid jarah jittella' l-Qorti

F'intervista mal-eks xandar ta' ONE Radio Manuel Cuschieri, Muscat ċaħad kull allegazzjoni ta' ħażen f'dak li għamel wara li ġie sfurzat jirreżenja minn Prim Ministru, hekk kif reġa' pinġa narrattiva fejn hu kien il-vittma ta' attakki politiċi

F’okkażjoni rari, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat poġġa għal intervista fuq Smash TV mal-eks xandar fuq l-istazzjon ONE Radio Manuel Cuschieri, fejn Muscat qal tiegħu dwar dak li ġie rrappurtat fil-ġimgħat li għaddew b’rabta ma’ numru ta’ pagamenti li rċieva wara li rreżenja minn Prim Ministru.

Huwa tkellem ukoll dwar l-inkjesta Maġisterjali li għaddejja fil-konfront ta’ Vitals Global Healthcare, hekk kif skontu, hemm min irid jarah jittieħed il-Qorti, iżda qal li anke jekk jiġri dan, huwa xorta għandu l-appoġġ tan-nies.

Dwar dan, stqarr li se jfittex lil dawk li jwasslu għal hekk. Muscat qal li huwa ħa l-poter ta’ dawk li sejjaħ bħala “mażuni”, u qabbel lilu nnifsu mal-mexxejja Laburisti ta’ qablu bħala iben il-ħaddiem. 

Tul l-intervista, Muscat ċaħad kull akkuża fil-konfront tiegħu dwar il-konsulenzi li ħa wara l-karriera politika tiegħu, u qabbel dak li għamel hu ma’ persuni oħra fil-Partit Nazzjonalista. Saħansitra qabbel lilu nnifsu ma Dom Mintoff, hekk kif stqarr li ġieli jgħidulu li se jissallab bħal Mintoff.

Muscat stqarr li l-konsulenzi li ngħata wara l-karriera politika tiegħu ma kinux marbuta ma pjaċiri politiċi li kien għamel meta kien fil-poter. B’rabta ma’ Accutor, il-kumpanija li kellu konsulenza magħha li rċeviet miljuni mingħand Steward Healthcare, l-eks Prim Ministru qal li ma kienx jaf ma’ min kienet qed tinnegozja din il-kumpanija.

Tkellem ukoll dwar il-konsulenza tiegħu ma’ kumpanija ta’ Johann Schembri, id-direttur maniġerjali tal-casino Dragonara, liema casino franka miljuni ta’ ewro wara li l-Gvern ta’ Muscat estenda l-kirja tal-art tal-casino mingħajr ma nħarġet sejħa pubblika. Dwar dan, l-eks Prim Ministru qal biss li l-ftehim kien approvat mill-Parlament.

Muscat ikkritika wkoll l-inkjesta Maġisterjali marbuta mal-Vitals, li skontu mhix ġusta minħabba li l-familja tal-Maġistrat għandhom rabtiet mal-għaqda Repubblika. Dwar il-konċessjoni tal-Vitals innifisha, huwa ddefenda dan il-ftehim li ġie kkritikat ferm mill-Awditur Ġenerali.

Dwar ir-rapport, Muscat qal li dan jikkritika l-għaġla li kien hemm biex issir il-konċessjoni, u li  dak li ssemma’ fir-rapport ma jibdiex ma’ skandli f’investigazzjonijiet oħra ta’ Gvern Nazzjonalista.

More in Politika