Sandra Gauci se tieħu r-riegni f'idejha, minflok Carmel Cacopardo

Cacopardo kien ħabbar li se jirriżenja mill-kariga tiegħu wara l-aħħar Elezzjoni Ġenerali

Sandra Gauci | Ritratt meħud minn Marianna Calleja
Sandra Gauci | Ritratt meħud minn Marianna Calleja

Minn għada Sandra Gauci, li fl-aħħar żmien serviet bħala d-Deputat Chairperson tal-Partit ADPD, se tieħu r-riegni f'idejha u se tkun qed tmexxi l-partit minflok Carmel Cacopardo. Għada wkoll, il-partit ADPD se jkun qiegħed jeleġġi kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, li se ssir bħal dan iż-żmien sena. 

Gauci hija l-ewwel mara fit-tmexxija ta' dan il-partit u t-tielet mara fl-istorja politika ta' pajjiżna bħala mexxej ta' partit, wara Mabel Strickland u Marlene Farrugia. Fil-blog tagħha, Gauci sostniet li se tibqa' tkun il-vuċi ta' dawk li m'għandhomx il-poter biex isemmgħu leħinhom. "B'umiltà se naħdmu fil-qrib man-nies, bil-għan li jkollna futur aħjar. Aħna se nkunu l-partit li jisma' lil kulħadd u mhux biss lin-negozjanti," qalet Gauci. 

Intant Cacopardo ilu fit-tmexxija mill-2013 u ħabbar li se jkun qiegħed iċedi postu għas-suċċessur tiegħu wara l-Elezzjoni Ġenerali tal-2022. Minn dakinhar laħqet għaddiet sena, fil-fatt ftit xhur ilu f'intervista mal-gazzetta ILLUM, Cacopardo saħaq li huwa offra minn jheddu li jwarrab mill-kariga u dan għax fl-Elezzjoni Ġenerali li jmiss "ikun ħafna aħjar li jkun hemm xi ħadd li huwa iżgħar. Għalhekk issa bdejna proċess li jsir tibdil u żgur li t-tibdil se jsir." 

Dakinhar huwa iċċara li l-bidla fit-tmexxija se ssir b'mod gradwali u mhux mil-lum għal għada. Fil-fatt, Cacopardo se jibqa' bħala d-Deputat Chairperson flimkien ma' Mina Tolu. Fakkar li fl-istorja tal-ADPD, l-aħħar elezzjoni kienet l-ewwel darba "li ma kellniex il-problema ta’ min imexxi li rriżenja malli ntemmet il-kampanja elettorali." Cacopardo qal li l-affarjiet ma' jsirux hekk. 

"F'partit żgħir bħal tagħna, l-gradwalità hija ferm aktar importanti għax m'għandekx wisq fejn iddur. In-numri tagħna huma żgħar u t-tibdil, filwaqt li huwa neċessarju li jsir u ninkoraġġuh, irid jieħu l-ħin tiegħu," sostna mal-ILLUM iċ-Chairperson tal-ADPD - The Green Party. 

More in Politika