Ifalli l-attentat biex Christian Zammit ma jitlaqx mill-PL

Diversi persuni fil-Partit Laburista qalu li din hi sempliċiment skuża ħelwa biex jitlaq • Oħrajn qed isostnu li jgħidu x’jgħidu, Zammit jirrifletti d-dwejjaq fil-Partit u d-dwejjaq tal-Laburisti lejn it-tmexxija preżenti tal-Partit Laburista

Christian Zammit
Christian Zammit

L-attentat biex l-Avukat Christian Zammit jibqa’ Sindku Laburista tax-Xagħra, jidher li falla. 

Zammit, ta’ 38 sena, qal, “issa daqshekk” u minnufih ħabbar li se jitlaq kompletament mill-politika.

Ta x’jifhem li waħda mir-raġunijiet hija l-isfreġju ambjentali xprunat l-aktar mill-mega kuntrattur Għawdxi, Joe Portelli. 

Imma diversi persuni fil-Partit Laburista qalu li din hi sempliċiment skuża ħelwa biex jitlaq. Oħrajn qed isostnu li jgħidu x’jgħidu, Zammit jirrifletti d-dwejjaq fil-Partit u d-dwejjaq tal-Laburisti lejn it-tmexxija preżenti tal-Partit Laburista.

L-aħħar attentat biex Zammit jibqa’ sar personalment mill-Prim Ministru Robert Abela li kellem lil Zammit biex jipprova jikkonvinċih biex joqgħod.

Attentati anke saru mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri. Nies qrib Zammit qalu li hu rrabbjat ħafna għall-Partit, sentiment li qed itambar fil-Partit stess.

Sena ilu, wara s-sehem tiegħu fl-Elezzjoni Ġenerali fejn kien mar ħażin, Zammit kien qal mal-media li kellu bojkott mill-lobby tal-kostruzzjoni.

Nies qrib tiegħu anke qalu li jaħseb li l-politika Laburista ma tħarisx biżżejjed lejn l-ambjent, anzi lejn l-oppost.  B’kuntrast ma’ dawk favur aktar bini, bħal Ministru Clint Camilleri u d-deputata Laburista Josianne Cutajar.

F’Għawdex, bħalissa hemm żvilupp rampanti u bla rażan li qed iħalli feriti kbar fid-dehra tal-gzira pittoreska. U dwejjaq kbar mal-Għawdxin.

Għalkemm Zammit ġab 415-il vot fl-aħħar elezzjoni fuq it-13 id-distrett, f’2009 kien ġab fuq l-4,000 vot fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Dan huma voti tal-ewwel għadd.

Fil-kamp politiku kien ħadem ma’ Chris Fearne u kif ukoll ma’ Anton Refalo.  Kien ġie elett kunsillier fl-2007 u sar Sindku fl-2009. Kien l-ewwel Għawdxi Laburista li kkontesta għall-Parlament Ewropew.

Ir-riżenja ta Zammit tfisser daqqa għal Abela u ċans għall-PN f’Għawdex fejn għandu jkabbar il-mewġa favur id-deputat Nazzjonalista Alex Borg.

More in Politika