Ir-riżenja ta’ Cutajar: Standards politiċi ġodda jew reazzjoni għar-rabja tal-pubbliku?

Ic-chats li ġew ippubblikati bejn Cutajar u Fenech ma niżlu xejn tajjeb ma’ partitarji Laburisti, għaqdiet, il-Partit Nazzjonalista u l-ADPD, fost ħafna oħrajn, li għamlu ħafna pressjoni biex Cutajar titneħħa... X'qalu: Alessandra Dee Crespo, Sandra Gauci, Anna Mallia u Ramona Attard? 

Inkunu qed nigbdu jekk ngħidu li r-riżenja ta’ Cutajar ma bsarniex li se tasal. Dan propju minħabba l-fatt li, skont id-diskursati li kellha ma’ Yorgen Fenech, dawn juru u jindikaw li Membru Parlamentari kellha relazzjoni “too close for comfort” ma xi ħadd li sa dak iż-żmien kien ħareġ li kien sid ta’ 17 Black. Eventwalment, sirna nafu li huwa allegatament il-mandant fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia wkoll.  

Ic-chats li ġew ippubblikati bejn Cutajar u Fenech ma niżlu xejn tajjeb ma’ partitarji Laburisti, għaqdiet, il-Partit Nazzjonalista u l-ADPD, fost ħafna oħrajn, li għamlu ħafna pressjoni biex Cutajar titneħħa. Dan proprju għaliex qalet li kienet se tkun qed “titħanżer bħalma qed jagħmel ħaddieħor.” Minn hemm bdiet it-triq għar-riżenja tagħha – anke jekk kontra qalbha, li ġiet imħabbra fil-bidu ta’din il-ġimgħa. Hija sostniet li sentejn ilu refgħet ir-responsabilità u ħallset prezz politiku meta irriżenjat minn Segretarju Parlamentari anke jekk skont hi ma wettqet “l-ebda illegalità.”  

Minkejja dan, qalet li ma riedet tkun ta’ toqol għal ħadd u filwaqt li mhux se tibqa’ tifforma mill-Grupp Parlamentari Laburista, se tibqa’ attiva bħala Membru Parlamentari, “voċifera, preżenti u għad-dispożizzjoni tan-nies.” Cutajar mhix se titħalla tikkontesta fl-elezzjoni ġenerali mal-PL lanqas u dan ifisser li din il-leġiżlatura hija l-aħħar waħda tagħha f’karriera li tista’ tgħid li kienet għadha biss fil-bidu.  

Din il-gazzetta filwaqt li titkellem ma’ erba’ opinjonisti politiċi tfakkar li fl-istorja politika riċenti u li fl-aħħar erba’ snin kien hemm Konrad Mizzi, Chris Cardona, Justyne Caruana u issa Rosianne Cutajar li tneħħew direttament tneħħew mill-pożizzjoni tagħhom mill-Prim Ministru minħabba stejjer li kienu fiċ-ċentru tagħhom jew kienu implikati fihom.  

L-erba’ persuni li Abela ġiegħel jirriżenjaw 

Il-klima politika tal-2019 kienet waħda mimlija tensjoni minħabba l-fatt li membri ċentrali tal-Gvern ta’ dak iż-żmien bdew jissemmew f’każi ta’ korruzzjoni kif ukoll fil-qtil ta’ Caruana Galizia. Kienu fl-aħħar xhur ta’ dik l-istess sena li Malta rat ir-riżenji tal-eks Chief of Staff Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi u s-sospensjoni tal-Ministru u Deputat Mexxej tal-PL Chris Cardona. Eventwalment naraw ukoll lil Muscat jirreżenja fil-bidu tal-2020 u Abela li jieħu postu. Mal-ewwel xhur fil-kariga tiegħu qaċċat lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor kienu meqjusin mażżra għall-partit u l-Gvern. Primarjament Abela ma reġax ħatar lil Keith Schembri bħala Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u fl-ebda kariga oħra governattiva. 

Ftit wara li kien elett Prim Ministru l-ewwel li laqqatha kien l-eks Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi.  

Ir-riżenja ta’ Mizzi ma kinitx waħda daqstant faċli. Mizzi, fiċ-ċentru ta’ diversi kontroversi jaħarqu fosthom il-proġett tal-Electrogas u l-proġett tal-VGH - kif imdorri jagħmel - tefa’ fuq Facebook illi Abela kien talbu biex ma jibqax parti mill-Grupp Parlamentari Laburista. “Filwaqt li nirrispettah u x-xogħol li qed jagħmel għal pajjiżna, ma qbiltx li għandi nwarrab fuq allegazzjonijiet u spekulazzjonijiet imbuttati ‘l quddiem mill-avversarji tal-Partit Laburista,” qal Mizzi, f’Ġunju tal-2020. Minkejja dan, ftit wara saret laqgħa tal-eżekuttiv tal-PL li fuq l-aġenda tagħha kien se jiġi diskuss il-futur tiegħu. Tfakkarkom f’xi ħadd? Minn stilla għal deputat imkeċċi. Konrad Mizzi ġie mkeċċi mill-Grupp Parlamentari Laburista wara mozzjoni. Minn 73 vot, 71 deputat ivvota biex Mizzi jitkeċċa.  

L-eks Ministru u eks Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona li kien issospenda lilu nnifsu mill-Kabinett u eventwalment irriżenja minn Deputat kien imġiegħel jirriżenja minn Deputat Mexxej Laburista mill-Prim Ministru kurrenti. Huwa kien ilu f’dik il-kariga erba’ snin. Cardona kien implikat diversi drabi fl-assassinju ta’ Caruana Galizia.  

Aktar riċenti, fl-2021, rajna r-riżenja ta’ Justyne Caruana, dak iż-żmien il-Ministru għall-Edukazzjoni. Il-pressjoni bdiet meta ġie żvelat illi Caruana, tat kuntratt ta’ €15,000 lil Daniel Bogdanovic, “ħabib” qrib tagħha. L-eks Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler qal li Caruana abbużat mill-pożizzjoni tagħha biex tagħti l-kuntratt lil Bogdanovic, li kisret l-etika, li Bogdanovic ma wettaqx dak mistenni minnu u li ma kienx kompetenti f’dak li ġie fdat jagħmel. 

Simili għal Cutajar, din kienet it-tieni darba li Caruana kellha tirreżenja. L-ewwel darba kien proprju minħabba l-eks raġel tagħha Silvio Valletta. Kif jgħid l-Ingliż... all roads lead to Rome. Valletta ukoll kien qiegħed jiġi investigat fuq l-irwol tiegħu u xi informazzjoni li seta’ għadda, dwar l-assassinju ta’ Caruana Galizia. Caruana irriżenjat u qalet li ma kinitx se terġa’ tikkontesta għall-elezzjoni ġenerali.  

‘Postha mhux fil-Parlament. Kieku jien kostitwenta tagħha nieħu għalija’  

L-ILLUM kellmet lill-attivista u Viċi President tal-Għaqda Repubblika Alessandra Dee Crespo u tgħid illi Abela ilu jiddefendi lil Cutajar għal dawn l-aħħar sentejn u baqa’ jkaxkar saqajh. Hija qalet li Abela seta’ jiffranka lill-Partit Laburista minn ħafna inkwiet, “li kieku ħa deċiżjoni mal-ewwel.”  

“Ma jafx jieħu deċiżjoni diffiċli għalih u għall-partit tiegħu. Iħalli l-affarjiet jaslu fit-tard u jidher li ħa deċiżjoni meta fil-fatt ma ħa xejn. Sa 10 ‘ijiem ilu kien għadu jiddefendiha. X’inbidel? Ir-reazzjoni tal-pubbliku u s-sondaġġi,” qalet Crespo.  

Hija fakkret li Repubblika sentejn ilu kienet marret wara l-bieb tal-uffiċċju tagħha, meta kienet għadha Segretarju Parlamentari, biex tirriżenja. “Dakinhar diġà kien hemm l-indikazzjonijiet u Abela ħalliha toħroġ għall-elezzjoni xorta waħda.”  

L-ILLUM tfakkar lil Crespo f’dak li qal Abela dakinhar li Cutajar ħabbret li kienet se tirreżenja. Abela sostna li din ir-riżenja kienet se tgħolli l-istandards tal-intergrità li huma mistennija fil-ħajja pubblika.  

“Għidlu ma jdaħħaqx nies,” irreaġixxiet Crespo. Hija insistiet li dan mhux minnu u prova ċara ta dan, fil-fehma tagħha, huwa l-fatt li hija irriżenjat iżda se tibqa’ Membru Parlamentari indipendenti fil-Parlament. Il-pożizzjoni ta’ Crespo hija assolutament kontra dan u tgħid illi Cutajar mhix postha fil-Parlament lanqas.  

“Kieku jien kostitwenta tagħha u qiegħda fil-Parlament tirrappreżentani, nieħu għalija,” kompliet tgħid Crespo.  

Ta’ min wieħed jirrimarka li Partit jew Prim Ministru ma jistax iġiegħel Deputat jirriżenja mill-Parlament hekk kif is-siġġu Parlamentari fis-sistema Parlamentari Maltija huwa meqjus tad-Deputat u mhux tal-Partit.  

L-attivista għamlet referenza wkoll għall-istqarrija ta’ Nisa Laburisti, li fiha tinnota li “f’dan il-pajjiż, ċertu individwi jħossuhom komdi jattakkaw b’dan il-mod misoġinist, inkluż bi ksur ta’ ordnijiet tal-Qorti.” B’dispjaċir Crespo tinnota li din il-kwistjoni m’għandha xejn x’taqsam mal-fatt li Cutajar hija mara. “Il-kwistjoni hija li MP suppost għandha l-istandards u ħalfet biex tħares l-interessi ta’ Malta u minflok ħarset lejn l-interessi tagħha. Jekk qed tinġbed l-attenzjoni lejk, din mhux minħabba li int mara iżda għax int membru parlamentari ħażin,” sostniet Crespo.  

Min-naħa l-oħra Crespo tenniet li jekk huwa veru li Abela jrid jgħolli l-istandards irid ikun ġust ma’ kulħadd u jieħu azzjoni mal-membri kollha, “bħall-Ministru Ian Borg, li nstab ħati li kellu pixxina illegali iżda kollox baqa’ għaddej kif inhu.”   

Fl-aħħar l-attivista qalet li l-istandards verament jogħlew meta l-azzjoni tittieħed fil-pront u mhux meta l-Prim Ministru jkaxkar saqajh u jħalli kollox għaddej. “Abela jieħu d-deċiżjoni meta jaqbillu, għax ma jistax jagħmel mod ieħor. Meta jara lin-nies irrabjati u jduru kontrih. Abela huwa beżżiegħ,” temmet tgħid Alessandra Dee Crespo.  

‘Jekk irid l-istandards ogħla Robert Abela għandu jagħmel re-shuffle’  

“Kieku Robert Abela verament ried jagħti risposta, kien iġiegħlha tirreżenja mill-Parlament.” Hekk qalet id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-ADPD – The Green Party Sandra Gauci f’kumment li tat lill-ILLUM . Hija sostniet li Abela għamel il-minimu ta’ dak li seta’ jagħmel.  

Minkejja dan, hija tinnota b’pożittività li kien pass tajjeb illi qal li Cutajar mhix se titħalla tikkontesta għall-elezzjoni ġenerali tal-2027. “Nispera li jżomm magħha din il-wegħda. Però din ir-riżenja kienet l-inqas li wieħed jista’ jagħmel u mhix xi ħaġa li nistgħu nifirħu biha lanqas,” qalet Gauci.  

Hija sostniet ukoll, bi qbil ma’ Crespo, li din ir-riżenja ġiet għax “Abela kien imġiegħel mill-qawwa tal-midja soċjali.” 

Meta mistoqsija fuq il-kumment li għamel Abela dwar l-istandards, Gauci infaqgħet tidħaq u irrimarkat li jekk dan huwa l-livell tal-istandard politiku, “mela l-istandard huwa verament baxx.”  

Li kieku mhux għax ġejjin minn kampi opposti u għax din il-gazzetta ċempitilhom b’mod separat l-ILLUM kienet taħseb li b’xi mod iż-żewġ attivisti ftehmu għax it-tnejn għamlu l-istess mistoqsija: “Il-Gvern irid idaħħaq?”  

“Dan naħseb qed jgħix ġo limbu jew bozza għax l-istandards għolja jżommhom li kieku jkun moħħu hemm mal-Ministri tiegħu stess. Din kienet waħda minn ħafna. Għandna Ministri bħal Silvio Schembri li ma jridx jgħidilna jekk hux qed iħallas kera għall-uffiċċji tiegħu. Għandna lil Ian Borg bil-pixxina bla permess u ma qalilniex x’se jiġri. Għandna ħafna nies li huma dubjużi,” sostniet Gauci.  

Hawn l-ILLUM tistaqsi x’azzjonijiet għandu jieħu Abela biex jgħolli l-istandards u pront Gauci saħqet li hemm bżonn ta’ re-shuffle. Hija sostniet li n-numri qed juru li l-poplu mhux jafda lil min eleġġa, speċjalment “dawk li hemm dubji dwarhom.”  

Gauci qalet li m’hemmx bżonn li nibqgħu naraw l-istess uċuħ fil-Kabinett. Sostniet li n-nies li semmiet ma hemmx bżonn jitkeċċew mill-Parlament iżda xorta saħqet li, “għandna bżonn naraw uċuħ ġodda li jiġu fdati mill-poplu għax bħalissa, bin-nies, li hemm m’hemmx fiduċja.”  

Iżda meta nitkellmu fuq uċuħ ġodda, Gauci lil min trid tara b’aktar poter u li jista’ joffri ħidma “mingħajr dubji?”  

“Sa issa ħadd ma ipperswadini għax kieku nista’ niknishom ‘l hemm. Iżda nippretendi li jekk daħħal daqstant nisa bil-kwoti, juri li qed jafdahom u mhux iħallihom bħala Segretarji Parlamentari biss u l-affarjiet taċ-ċiċċa li jiswew xi ħaġa, tahom lill-irġiel li nafu min huma,” qalet Gauci.  

Hija sostniet li huwa minnu li dawk ġew eletti, iżda l-ħidma ma tantx hi waħda li qed timpressjona lin-nies, “anzi qed timpressjonahom fin-negattiv.”   

‘Ir-riżenja ma tfissirx bidla fl-istandrads politiċi’ 

Din il-gazzetta kellmet ukoll lill-avukat Anna Mallia. B’komunikazzjoni elettronika hija tinsisti li r-riżenja ta’ Cutajar, la ġiet b’riżultat ta’ bidla fl-istandards politiċi u lanqas reazzjoni għar-rabja fost il-pubbliku.  

Mallia tgħid illi r-riżenja, “kienet reazzjoni għall-midja, li sfortunatament tħares lejn l-uċuħ u tippretendi li hija ‘l fuq mil-liġi.”  

‘Il-PL huwa aħjar mill-PN għax għalkemm mhuwhiex perfett, jammetti fejn seta’ kien aħjar’  

U finalment din il-gazzetta kellmet lill-President tal-Partit Laburista Ramona Attard illi qalet li l-obbligu tal-Partit Laburista fil-Gvern huwa li jibqa’ saqajh mal-art “biex il-fiduċja li tana l-elettorat sena ilu nsarrfuha fi standards għolja fil-politika.” 

Hija insistiet li Malta, taħt Gvern Laburista, “minn pajjiż li fih ma kienx hawn preskrizzjoni għall-politiċi, liġi għall-finanzjament tal-partiti politiċi, emendi biex jirregolaw il-mod kif jinħatru karigi għolja bħall-membri tal-ġudikatura, il-Kummissarju tal-Pulizija u saħansitra l-President ta’ Malta, sirna pajjiż b’sistema tas-saltna tad-dritt imsaħħa.” 

Attard qalet li r-riżenja ta’ Cutajar kompliet turi d-differenza bejn iż-żewġ partiti politiċi. Attard sostniet li bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni hemm differenzi kbar, filwaqt li għamlet referenza minima għar-riżenja ta’ Cutajar.  

Hija qalet, b’referenza għal Bernard Grech, li “min-naħa għandek Kap ta’ Partit b’investigazzjonijiet dwar ħlas ta’ eluf f’taxxa u VAT u ma rriżenjax. L-istess Kap tal-Oppożizzjoni li inċita folla u wassal lil dik il-folla biex tkun agressiva fil-konfront ta’ ġurnalisti. Iżda lanqas jerfa’ farka responsabilità politika, minkejja li m’għandux il-fiduċja reali tal-partit tiegħu stess u wisq inqas tal-Maltin u Għawdxin.”  

Żiedet tgħid li min-naħa l-oħra l-poplu għandu Gvern li għandu kredibilità ekonomika u li fi kliemha “pass, pass qiegħed ikompli jtejjeb l-istandards fil-politika ta’ pajjiżna.”   

Attard irrimarkat ukoll li dan il-Gvern qiegħed dejjem jaħdem għall-interess nazzjonali f’kull fora ewropea. Dan filwaqt li tenniet li min-naħa l-oħra “għandek Partit fl-Oppożizzjoni li juża kull okkażjoni biex jaħdem kontra Malta u l-Maltin.”  

Attard temmet tgħid li l-poplu għandu fiduċja fil-partit Laburista, ħafna aktar mill-Partit Nazzjonalista għax “huwa l-partit li għall-isfidi jsib opportunitajiet u hu l-partit li għalkemm perfett mhuwiex, jammetti fejn seta’ kien aħjar u jaħdem biex ikun aħjar. Il-poplu jistenna mill-Partit Laburista fil-Gvern li jimplimenta l-manifest elettorali filwaqt li jżomm standards għolja ta’ integrità.” 

More in Politika