2022: Malta rat ħames imwiet kawża ta' użu tad-droga eroina

Imnedija l-konsultazzjoni pubblika għall-politika nazzjonali kontra l-użu tad-droga 

Fis-sena 2022, Malta rat ħames imwiet ikkawżati mill-użu eċċessiv tad-droga tat-tip eroina. Dan intqal illum waqt il-konferenza tal-aħbarjiet fil-Belt Valletta, li fiha l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, nieda konsultazzjoni pubblika dwar il-politika nazzjonali kontra l-użu tad-droga. 

Falzon appella biex kulħadd jipparteċipa f'din il-konsultazzjoni pubblika, li se tkun qed tinfetaħ għall-ħames ġimgħat li ġejjin. Din il-policy tiffoka fuq is-saħħa mentali u dik fiżika ta' dawk kollha li jagħmlu użu mid-droga u l-għan ewlieni tagħha huwa li dak li jkun jingħata ċans ieħor u opportunità għal ħajja tajba. 

Iċ-Chairman tal-Bord tal-Vizzji Nazzjonali, il-Prof Richard Muscat, saħaq li filwaqt li ħames imwiet f'pajjiżna huma ftit meta mqabbla ma' pajjiżi oħra, għalih dawn huma ħafna. "Anke kieku kien hemm mewta waħda għalija huwa ħafna," qal Muscat mal-ILLUM. L-ILLUM staqsiet lil Muscat fuq il-pass li jmiss, la darba l-proċess tal-konsultazzjoni jintemm u tibda l-implimentazzjoni. 

Muscat spjega li ċertu affarjiet fil-policy jieħdu preċedenza fuq oħrajn. Fil-fatt għamel referenza għan-Narcan spray, tip ta' medikazzjoni li tipprevjeni l-imwiet f'dawk li għamlu overdose u li għaldaqstant ikun essenzjali fil-kura tas-saħħa ta' dawk li jagħmlu użu mid-droga. "L-idea hija li la darba ningħataw risposta mill-pubbliku nibdew niġbru l-informazzjoni u nibdew nimplimentaw." 

Uħud mill-azzjonijiet li hija mistennija li tiffaċċja din il-policy huwa t-traffikar tad-droga, il-kwistjoni ta' supply and demand, ittestjar għall-għarrieda biex jiġi preventut sewwieqa taħt l-influwenza tad-droga u ko-ordinazzjoni bejn l-istakeholders għal servizzi li jistgħu jipprevjenu l-użu tad-droga. Apparti minn hekk, filwaqt li Falzon u Muscat saħqu li ma jistgħux iwaqqfu lil kull persuna milli jieħdu d-droga, l-għan ta' din il-policy hija li tilħaq lil ħafna nies, u saħansitra tipprevjeni milli żgħażagħ jagħmlu użu mid-droga mill-ewwel. 

"Jekk infallu milli ngħinu lil dawn in-nies, infallu milli ngħinu lis-soċjetà kollha kemm hi. Dan għaliex, fl-aħħar minn l-aħħar, aħna kollha soċjetà waħda," qal il-Ministru Falzon. 

 

More in Politika