Jibda x-xogħol fuq iċ-Ċentru tad-demm, ċelloli u tessuti f’San Ġwann

Dan iċ-ċentru qed isir b’investiment ta’ €30 miljun u huwa ko-finanzjat mill-fondi Ewropej, mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Unjoni Ewropea

Beda x-xogħol ta’ skavar fuq is-sit taċ-ċentru l-ġdid tad-demm, ċelloli u tessuti f’San Ġwann, li ladarba jitlesta se jieħu post il-Bank Nazzjonali tad-Demm preżenti u li se jżid is-servizzi offruti lill-pubbliku f’ dan il-qasam.

Is-sit, li hu mifrux fuq medda ta’ 4,150 erbat metru kwadru, u li jinsab biswit l-Isptar Mater Dei, mistenni jitlesta fis-sena 2025.

Waqt żjara fuq is-sit ta’ kostruzzjoni, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fisser kif dan iċ-ċentru se jkompli jżid mal-kullana ta’ servizzi offruti lill-pazjenti Maltin u Għawdxin fil-qasam tas-saħħa.

“Dan iċ-Ċentru se jservi biex nagħmlu proċeduri ġodda, inkluż tal-istem cell therapy għall-pazjenti li jkunu qegħdin jieħdu trattament qawwi għall-kanċer u kif ukoll inkunu nistgħu naħżnu u nippreparaw tessuti u organi li nistgħu nużaw għad-donazzjoni,” tenna d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.

Dan iċ-ċentru qed isir b’investiment ta’ €30 miljun u huwa ko-finanzjat mill-fondi Ewropej, mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Unjoni Ewropea.

More in Politika