Il-Prim Ministru Robert Abela jibqa' jinsisti li Steward investew fl-isptarijiet

Huwa iddeskriva l-aġir tal-Oppożizzjoni, waqt id-dibattitu Parlamentari, bħala wieħed li ma kienx dinjituż, 'b'arroganza tipika' 

Il-Prim Ministru Robert Abela insista li Steward Healthcare investew fit-tliet sptarijiet iżda wiegħed li jekk kien hemm ħlasijiet żejda, se jkunu qed jitħallsu lura lill-poplu. Huwa qal dan waqt intervista fuq One Radio aktar kmieni illum. 

Abela ukoll li qal li l-aġir tal-Oppożizzjoni waqt id-dibattitu ta' nhar il-Ħamis fil-Parlament dwar il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet tal-Istat lil Steward Health Care, ma kienx wieħed dinjituż.

“Arroganza tipika tal-Partit Nazzjonalista ta’ dawn l-aħħar 10 snin, anke minkejja l-ħafna messaġġi li bagħtilhom kontinwament l-elettorat,” qal Abela.

Il-Ħamis li għadda, l-Oppożizzjoni ħarġet ’il barra mill-Parlament u ibbojkottjat il-vot dwar mozzjoni li proponiet hi stess biex tikkundanna l-ftehim ta’ Steward dwar l-isptarijiet wara li l-ispeaker ħalla lill-Gvern jemenda il-mozzjoni barra mill-ħin tiegħu.

“Nappella għall-kalma quddiem din il-provokazzjoni tal-Oppożizzjoni fil-Parlament u anke barra,” kompla l-Prim Ministru.

Robert Abela qal li t-tliet prijoritajiet tal-Gvern huma li jagħti l-aqwa servizz tas-saħħa, jibni sptar ġdid f’Għawdex u li l-problemi akuti tas-saħħa tal-poplu jkunu provduti mill-Gvern mingħajr ħlas.

Il-Prim Ministru kien ċar ħafna u qal li l-Gvern se jkun qed ifittex mezzi legali biex jirkupra l-ispejjeż kollha jekk il-ħlasijiet lill-VGH u Steward ma jkunux provduti bir-riżultati.

Abela qal li kiteb lill-Awditur Ġenerali u talab investigazzjoni dwar l-allegazzjoni tal-PN li l-Gvern ħallas €400 miljun lil Steward Healthcare u ma rċieva lura xejn. Hu wiegħed serħan il-moħħ lill-pazjenti u l-ħaddiema fid-dipartiment tas-saħħa fit-tranżizzjoni minn mill-isptarijiet għand Steward lura għall-Istat.

Robert Abela qal li l-Gvern Laburista m’għamilx bħal ta’ qablu meta skont hu, kien ta waiver lil Skanska fuq il-konkrit li kien intuża għall-bini tal-isptar Mater Dei. Il-Prim Ministru tkellem dwar l-eks Kap tal-PN, Adrian Delia, li kien il-Konsulent Legali tal-istess kumpanija fl-10 snin li dam jinbena l-isptar Mater Dei.

More in Politika