‘Arrestawhom’ - Moviment Graffitti jappellaw għall-prosekuzzjoni kriminali ta’ Joseph Muscat u Konrad Mizzi

L-NGO tappella biex it-tliet sptarijiet jirritornaw lura għand il-Gvern u jiġu rijabilitati 

L-Għaqda mhux Governattiva (NGO) Moviment Graffitti tappella għall-prosekuzzjoni kriminali immedjata, sħiħa u ċara tal-ogħla membri tal-Kabinett, involuti fil-ġestjoni ta’ dal-ftehim tal-Vitals.

Graffitti qed tappella wkoll għall-prosekuzzjoni kriminali “tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat bħala l-kap tal-Kabinett, li rratifika l-konċessjoni, l-eks Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi li fassal l-intriċċi tal-pjan li wasslu għal dan il-ftehim, l-eks Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona li ffirma l-Memorandum ta’ Ftehim u l-eks Chief of Staff Keith Schembri li kien involut fin-negozjati sigrieti.”

L-għaqda tgħid li l-Maġistrat Depasquale għamilha ċara li kwalunkwe attentati biex ir-responsabbiltà li jġorru l-individwi li huma direttament responsabbli mill-ftehim “frawdalenti” tal-gvern mal-Vitals u Steward Healthcare tintrema’ fuq il-Kabinett kollu, “ikunu attentati perikolużi, manipulattivi u qarrieqa.” Fid-dawl ta’ dan, il-Moviment Graffitti jinsisti fuq il-prosekuzzjoni kriminali ta’ Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Chris Cardona u Keith Schembri bħala rappreżentanti tal-gvern ta’ Malta.

Graffitti jgħid li d-deċiżjoni tal-Qorti wriet ukoll li dan il-ftehim “ma kien xejn ħlief skema ta’ privatizzazzjoni mill-gvern Laburista għall-gwadann tal-politiċi b’poter kbir u l-gwadann tal-kumpaniji privati b’saħħithom.” Fid-dawl ta’ dan jisħaq li l-Isptarijiet għandhom jingħataw lura u jiġu irreabilitati għall-poplu.

Għaldaqstant jappella wkoll lill-Gvern biex itemm minnufih il-ħela ta’ miljuni ta’ flus mit-taxxi tal-poplu fuq il-ftehim tal-gvern mal-Vitals u Steward Healthcare. “Il-poplu Malti u Għawdxi għadu sal-lum jaħraq il-miljuni fuq ftehim ta’ privatizzazzjoni li ma rendielu assolutament xejn lura u li jikkostitwixxi att bla preċedent ta’ serq pubbliku ta’ sptarijiet ewlenin fil-gżejjer għall-gwadann ta’ politiċi korrotti u ta’ kumpaniji privati b’poter assolut,” qal Graffitti.

Fl-aħħar Graffitti appella lill-Prim Ministru Robert Abela biex jiżgura wkoll li “l-poplu ta’ Malta u Għawdex jirkupra l-miljuni li nsterqulu permezz tal-ħlas tad-danni mill-individwi politiċi u privati involuti kollha.”

More in Politika