Ftehim ta’ kollaborazzjoni fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni bejn u l-UAE

Il-ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi huwa għal perjodu ta’ tliet snin u ġie ffirmat mis-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti u mid-Deputat Ministru għall-Kompetittività tal-Emirati Għarab Magħquda, Abdulla Nasser Lootah

Il-mument li ġie ffirmat il-ftehim
Il-mument li ġie ffirmat il-ftehim

Fi żjara li kellu s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti ġewwa l-Emirati Għarab Magħquda (UAE), ġie ffirmat ftehim ta’ kollaborazzjoni fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni bil-għan li ż-żewġ pajjiżi jikkollaboraw f’dawn l-oqsma, filwaqt li jkabbru l-użu xjentifiku u teknoloġiku f’diversi setturi.

Il-ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi huwa għal perjodu ta’ tliet snin u ġie ffirmat mis-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti u mid-Deputat Ministru għall-Kompetittività tal-Emirati Għarab Magħquda, Abdulla Nasser Lootah.

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qal illi l-Gvern ilu għal snin twal jinvesti fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni ġewwa Malta, "iżda jeħtieġ li nkomplu nikkollaboraw ma’ pajjiżi li għamlu suċċess f’dawn l-oqsma sabiex inkomplu ntejbu u nkabbru l-operat tagħna fir-riċerka u l-innovazzjoni.” Huwa faħħar l-ħidma tal-Emirati Għarab Magħquda li qal illi huma eżempju ċar ta’ kif pajjiż żgħir jista’ jirnexxi bl-investiment li għamel fir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex ikabbar l-ekonomija u l-kompetittività tal-pajjiż.

“Malta għandha potenzjal kbir f’diversi setturi, b’mod partikolari fl-artiġġjanat, il-manifattura, il-kimika mediċinali, u oħrajn. Permezz ta’ dan it-tip ta’ ftehim qed inkomplu nikkollaboraw u nitgħallmu fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni mingħand pajjiżi oħra, bħall-Emirati Għarab Magħquda, li jwassal sabiex in-negozji tagħna jkunu aktar kompetittivi mhux biss fis-suq lokali, iżda anki fuq livell internazzjonali,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti.

 

 

More in Politika