Il-Ministru Borg b’numru ta’ laqgħat bilaterali fi New York

Matul il-jum tat-Tlieta 14 ta’ Frar 2023, il-Ministru Borg kellu laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, António Guterres

Il-Ministru Ian Borg mas-Segretarju Ġenerali tal-UN Antonio Guterres
Il-Ministru Ian Borg mas-Segretarju Ġenerali tal-UN Antonio Guterres

Fil-marġini tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg kellu numru ta’ laqgħat bilaterali, bl-aġenda tal-presidenza tkun il-prijorità ewlenija għal dawn il-laqgħat.

Matul il-jum tat-Tlieta 14 ta’ Frar 2023, il-Ministru Borg kellu laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, António Guterres. Matul din il-laqgħa, is-Segretarju Ġenerali rringrazzja lil pajjiżna għall-fatt li mexxa ’l quddiem għad-diskussjoni numru ta’ suġġetti importanti li hemm bżonn ikunu indirizzati fir-rigward tal-paċi u s-sigurtà madwar id-dinja, fosthom it-tibdil fil-klima u anke l-invażjoni tal-Federazzjoni Russa fuq l-Ukrajna. Flimkien ma’ Guterres, il-Ministru Ian Borg tkellem ukoll dwar l-aħħar żviluppi fil-Libja.

Laqgħa oħra li saret matul il-jum tat-Tlieta kienet mal-President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, Csaba Kőrösi. Matul din il-laqgħa ġew diskussi t-temi u l-laqgħat li huma pjanati li Malta se tkun qed tmexxi ’l quddiem bħala President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda matul ix-xahar ta’ Frar. Il-Ministru Borg u l-President Kőrösi qasmu l-ideat tagħhom biex jaraw li l-ħidma tal-Assemblea Ġenerali u tal-Kunsill tas-Sigurtà jikkumplimentaw kemm jista’ jkun lil xulxin matul dan iż-żmien importanti.

Il-Ministru Borg iltaqa’ wkoll mal-Kap tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Magħquda kontra t-terroriżmu, Vladimir Voronkov. Matul din il-laqgħa kien diskuss l-irwol ta’ pajjiżna bħala membru u anke president tal-kunsill tas-sigurtà sabiex ikun hemm kollaborazzjoni effettiva fix-xogħol li jsir ma’ dan l-uffiċċju. Il-Ministru Borg speċifika li hemm bżonn li jkun hemm aktar xogħol sabiex tkun indirizzata l-problema tat-terroriżmu mill-għeruq tagħha. Huwa kompla jgħid li Malta temmen li permezz tal-litteriżmu jistgħu jkunu indirizzati numru ta’ problemi ta’ radikalizzazzjoni.

More in Politika