‘Ħalliena Silvio. Raġel fuq l-irġiel’... In-nies f’Raħal Ġdid jitkellmu mal-ILLUM

Raħal Ġdid imbikkma fuq it-telfa tal-eks Deputat Laburista Silvio Parnis... L-ILLUM tmur fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid u titkellem man-nies dwar it-telfa ta’ politiku ‘li dejjem għen lin-nies u qatt ma ra kuluri’  

Nhar it-Tlieta 3 ta’ Jannar Malta inħasdet bl-aħbar tal-mewt tal-eks Deputat Laburista Silvio Parnis fl-età żgħira ta’ 57 sena, wara battalja mal-kanċer. Reġa’ sebaħ il-jum ta’ wara mewtu u l-ILLUM marret fil-lokalità li tant kienet għal qalb Parnis, fost ir-residenti ta’ Raħal Ġdid. Qalb il-ġenn biex kulħadd ilesti l-qadi, in-nies li waqfu jieħdu kafè għand tal-gabbana u nies oħra li ta’ kuljum jiltaqgħu l-każin l-ILLUM innutat li kulħadd beda’ jgħid l-istess ħaġa, “ħalliena Silvio, x’dispjaċir.”  

Għaldaqstant din il-gazzetta tkellmet ma’ 20 persuna dwar kif kienu jiddeskrivu lil dan il-politiku u kif irreaġixxew għall-aħbar ta’ mewtu. 

L-ILLUM titkellem ma’ sid ta’ ħanut li saħqet li filwaqt li hija ma kinitx tafu daqstant, għax ma kinitx minn Raħal Ġdid, “minn dak li qrajt u smajt kien raġel maħbub ħafna u mhux biss minn din il-komunità.” Hija qalet li huwa ta’ dispjaċir għall-pajjiż kollu li jitlef persuna li kien jagħmel ħafna ġid. “Żgur mhux pjaċevoli meta tisma’ li miet missier ta’ età żgħira.”  

Din il-gazzetta titkellem ukoll ma’ tliet irġiel jixorbu t-tè – Ġorg, Toni u  John - u kollha qablu li Parnis kien jgħin lil kulħadd minn qalbu, “m’hemmx aħmar, blu jew isfar. Qatt ma rrifjuta li jgħin lil batut. Ħasra kbira li tlifnih.” 

Fost il-folla tkellimna ma’ Twanny u Maria mill-Fgura li stqarru li minkejja li mhumiex midħla tal-politika inħasdu bl-aħbar u li Parnis, “diffiċli tinsih.” Fil-fatt Maria saħqet li filwaqt li politikament ma’ taqbilx miegħu, r-rispett lejh hemm jibqa’.  

“Ġentlom, onest, umli u raġel twajjeb,” hekk iddiskrivewh in-nies ta’ Raħal Ġdid. Rita sostniet li filwaqt li kienet taf li kien qiegħed ibati xorta baqgħet tittama’ għax kien “raġel fuq l-irġiel” u “kellu qalbu kbira wisq.” 

 In-nies ta’ Raħal Ġdid jibku t-telfa ta’ wieħed minnhom
In-nies ta’ Raħal Ġdid jibku t-telfa ta’ wieħed minnhom

Din il-gazzetta iltaqgħet ukoll ma’ żewġt aħwa, Doris u Marija, it-tnejn minn Ħal Tarxien, li b’sens ta’ dispjaċir fuq wiċċhom qalu li kien xokk kbir meta saru jafu li miet Parnis. Marija qalet li mumenti bħal dawn iġiegħluha tirrealizza li kulħadd uman u ħadd mhu invinċibbli, lanqas kontra l-mard.  

Fl-aħħar il-gazzetta tiltaqa’ ma’ Antonia, mara li emozzjonat ruħha u qalet li f’għajnejha  Silvio Parnis kien raġel qaddis għax-xogħol li għamel għal min kien jinsab f’diffikultajiet tal-ħajja. “Qatt ma waqaf jgħin. Ma kienx maħbub ta’ xejn. Hawn kulħadd maħsud u żgur li kollha qed inħossuha t-telfa tiegħu.”  

Min hu Silvio Parnis?  

57 sena. 24 sena Membru Parlamentari u xandar. 15-il sena miżżewweġ. Min hu Silvio Parnis li tant kien maħbub?  

Parnis twieled fid-19 ta’ Ottubru fl-1965. Mill-1994 sal-1998 huwa kien is-Sindku ta’ Raħal Ġdid. Huwa ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament fl-1998 mir-raba’ distrett (Gudja, Raħal Ġdid, Ħal Għaxaq, Marsa, Santa Luċija, Fgura u Ħal Tarxien). Sussegwentament huwa ġie elett għal erba’ leġislaturi oħra: fl-2003, fl-2008, fl-2013 u għall-aħħar darba fl-2017.  

Silvio Parnis jindirizza l-Parlament
Silvio Parnis jindirizza l-Parlament

Fl-elezzjoni ġenerali tal-2008 – li l-PL tilef biss b’1500 vot - huwa kien l-aktar kandidat popolari tad-distrett u fil-fatt kien elett mal-ewwel għadd hekk kif kiseb xejn inqas minn 4,890 vot. Fis-snin ta’ wara, anke jekk fuq id-distrett tiegħu ħarġu kemm Joseph Muscat u anke Chris Fearne u Konrad Mizzi, baqa’ popolari u kien elett mingħajr problemi ta’ xejn.  

Parnis ma kienx biss politiku iżda fil-bidu tal-karriera tiegħu kien health supervisor kif ukoll assistent social worker fid-Dar tal-Anzjani San Vincenz De Paul. Min-naħa l-oħra, fil-bidu tal-karriera politika tiegħu, fl-2006, huwa kien ippreżenta numru ta’ programmi li jiddiskutu kwistjonijiet soċjali u kurrenti.  Fl-2006 Parnis kien jippreżenta l-programm tar-radju ‘Problemi tal-Qalb’ fuq One radio, kif ukoll il-programmi televiżivi ‘M’intix waħdek’, ‘Kliem u Fatti’ u ‘Forum’ fuq l-istazzjon Smash. Sa ftit żmien ilu huwa kien qiegħed jippreżenta ‘Familja Waħda’ programm fuq Fliving, biex jagħti spazju lill-anzjani, partikolarment dawk li jgħixu waħedhom, biex jitkellmu u jiftħu qalbhom. 

Parnis tul il-karriera tiegħu kien ukoll xandar ta’ diversi programmi soċjali. 
Parnis tul il-karriera tiegħu kien ukoll xandar ta’ diversi programmi soċjali. 

Fl-2013 Parnis ġie appuntat Chairman tal-Kunsill Konsultattiv għan-Naħa ta’ Isfel ta’ Malta. Dan il-Kunsill ġie ffurmat bil-għan li jidentifika xi problemi li jista’ jkun li hemm fir-reġjun tan-naħa ta’ isfel u jiġu solvuti billi jissuġġerixxi pjan ta’ azzjoni jew skemi li għandhom jiġu kkunsidrati mill-Gvern.  

Fl-2017 huwa ġie appuntat bħala Segretarju Parlamentari għall-Gvernijiet Lokali u l-kommunitajiet u aktar tard bħala s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u Persuni b’diżabilità, fl-ewwel Kabinett tal-Prim Ministru Robert Abela. 

Meta faqqgħet il-pandemija Parnis ċeda l-paga tiegħu ta’ xahar, bħalma kien għamel Abela, Silvio Schembri u Julia Farrugia Portelli, biex jiġu finanzjati il-miżuri li ħabbar il-Gvern. 

Parnis fost l-anzjani, li tant kien iħobb
Parnis fost l-anzjani, li tant kien iħobb

Parnis kien fiċ-ċentru tal-kritika meta l-każijiet tal-Covid-19 bdew jiżdiedu fost l-anzjani, partikolarment dawk residenti fi djar residenzjali. F’waħda mill-aħħar intervisti li għamel, meta iltaqa’ mal-gazzetta ILLUM huwa stqarr li l-pandemija “gerfxet kollox. Lanqas dar tal-anzjani ma stajt inżur.” Parnis kien ikkritikat ħafna minħabba l-famuża ‘roly-poly’ li kien bagħat lill-anzjani meta kienu msakkra fid-djar.   

F’dik l-intervista qal li ma kienx jerġa’ jibgħat ir-rolypoly lill-anzjani, “għax in-Nazzjonalisti għamlu kampanja kontrija. Issa jiena fil-karattru tiegħi li nagħti u nqassam. Kont inħoss ħafna għall-anzjani. Ma stajtx inżurhom imma xtaqt nurihom li jiena niftakar fihom. Ridt nagħmel ġest żgħir. Thake l-aktar li għamel kampanja kontra r-roly poly. Imma jien għadni fil-Parlament u hu kellu jitlaq.”   

Parnis ma reġax irritorna fil-Kabinett hekk kif tneħħa mid-dekasteru tal-anzjani minħabba reshuffle u meta ġie offrut li jieħu ħsieb il-Kunsilli Lokali huwa irrifjuta.  

Dakinhar huwa qal li “in-nies huma tad-demm u l-laħam u jħossu. Ir-rispett jibqa’ lejn il-Prim Ministru, ħsara mhux se nagħmillu. Però ddispjaċini għax kont inqisu l-akbar ħabib li kelli fil-politika.” Mal-ILLUM kien qal ukoll li kien ħadha bi kbira propju għax l-anzjani kienu wisq għal qalbu.  

Dak iż-żmien huwa ħabbar ukoll li ma kienx se jerġa’ jikkontesta għall-elezzjoni li jmiss, jiġifieri dik tal-2022.  

Minkejja li ma baqax daqstant attiv politikament wara, huwa kien iqatta’ ħafna aktar ħin mal-familja u għall-passatempi tiegħu. Fil-fatt Parnis kien persuna reliġjuża ħafna u saħansitra kellu kappella privata fid-dar tiegħu. Apparti minn hekk huwa kien jiddedika aktar ħin għall-volontarjat, xi ħaġa li kienet ittih ħafna sodisfazzjon.  

‘Ġab l-interess tiegħu qabel ta’ ħaddieħor’  

L-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi spjega li hu u Parnis ilhom ħbieb kbar. “Trabbejna flimkien, mużew u football flimkien. Kien miegħi meta mietet ommi meta kelli 15-il sena. Sifirna u dħaqna flimkien.”  

Azzopardi qal li Parnis kien Laburist ġenwin, iħobb ġenwinament liż-żgħir u devot lejn il-ħaddiem. “Ħabib ġenwin tal-fqar. Raġel u missier ideali u leali. Raħal Ġdid tilef wieħed mill-ikbar ulied tiegħu, raġel li għamel unur lill-Pawlisti kollha.”  

Ma naqasx ukoll li diversi politiċi u kollegi selmu l-memorja ta’ Parnis. L-eks Prim Ministru Joseph Muscat għamel aċċenn għall-għajnuna li kien jagħti lin-nies u qal li, “ikun hemm min jgħidlek li dan huwa klijenteliżmu. Xejn minn dan. Int kont hemm għal min ma kellux lanqas familja biex tgħinu fl-affarjiet iż-żgħar ta’ kuljum. Kien hemm min żebilhek fuq hekk, iżda n-nies dejjem taw risposta.”  

Huwa stqarr li Parnis kien jgħidlu dak li kien jaħseb mingħajr ħafna ħabi u x’kienu qed jaħsbu n-nies kemm jekk hux tajjeb u anke fil-ħażin. “Issa jmiss lilna naraw li l-familja tiegħek, martek u ibnek isibuna,” qal Muscat.  

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech f’isem il-Partit Nazzjonalista wkoll sellem il-memorja tiegħu. Miegħu inqagħad il-Prim Ministru Robert Abela li qal li “mhu se jkun minsi qatt.” 

More in Politika