Se jiġu rregolati aħjar is-siti ta' kostruzzjoni u anke l-qisien tal-aperturi

Ir-regolamenti jistipulaw li kull meta, sa distanza ta’ 10 metri mis-sit tal-kostruzzjoni, issir ħsara f’siti ta’ terzi, l-iżviluppatur irid isewwi u jirrestawra għall-kundizzjoni oriġinali tagħhom dawk il-partijiet tal-binja li tkun saritilhom il-ħsara

Fil-Gazzetta tal-Gvern ġie ppubblikat Avviż Legali dwar il-ġestjoni ta’ siti ta’ kostruzzjoni li fost affarijiet oħra jittrasferixxi għand l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) ir-responsabbiltà dwar il-ġestjoni tas-siti ta’ kostruzzjoni, idaħħal regolamenti ġodda dwar il-ħarsien ta’ partijiet terzi għal proġetti li jkunu qed isiru, u jintroduċi standard ġdid dwar il-qisien tal-aperturi għal postijiet residenzjali ġodda.

Fost affarijiet oħra, ir-regolamenti jistipulaw li kull meta, sa distanza ta’ 10 metri mis-sit tal-kostruzzjoni, issir ħsara f’siti ta’ terzi, l-iżviluppatur irid isewwi u jirrestawra għall-kundizzjoni oriġinali tagħhom dawk il-partijiet tal-binja li tkun saritilhom il-ħsara.

Anke meta jkun ippruvat li l-ħsara saret fi proprjetajiet lil hinn mill-10 metri indikati, din trid tiġi rranġata wkoll. Ir-regolamenti għandhom l-għan ukoll li jipproteġu  proprjetà li tappartjeni lill-Gvern u lill-kunsilli lokali.

Ir-regolamenti jenfasizzaw ukoll li waqt li jkunu għaddejjin proġetti f’siti ta’ kostruzzjoni, materjal tal-bini sfuż bħal ramel, siment, laqx u xaħx għandu jiġi trasportat, depożitat u maħżun fis-sit ġo kontenituri riġidi b’għotjien adegwati jew kontenituri flessibli imma sodi li jistgħu jingħalqu b’mod xieraq.

Il-materjal għandu jiflaħ il-piż tal-kontenut, dan biex jiżgura l-għeluq totali ta’ dawk il-materjali f’kull ħin u li għandhom jinżammu magħluqa meta ma jkunux qed jintużaw. Permezz ta’ dan ir-regolament hu maħsub li l-ġirien ma jbatux minn trabijiet u inkonvenjenti oħra waqt li jkunu għaddejjin ix-xogħlijiet.

Ir-regolamenti ppubblikati qegħdin jintroduċu l-istandard ġdid dwar il-qisien tal-aperturi li japplika għall-postijiet residenzjali ġodda li se jkunu qed jinbnew fil-Gżejjer Maltin. Dwar dan l-istandard kienet saret konsultazzjoni pubblika mill-BCA f’Novembru li għadda.

L-Avviż Legali jinkludi wkoll standard ieħor ippubblikat mill-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) li jistabbilixxi regolamenti dwar id-dikostruzzjoni jew xogħlijiet ta’ skavar f’siti ta’ kostruzzjoni u kif għandu jkun ittrattat l-iskart ġej minn dawn ix-xogħlijiet b’tali mod  li jsir b’mod ikkontrollat.

More in Politika