Jitħabbru l-erba’ benefiċjarji tal-Premju tal-President għall-Kreattività

Il-President Vella qal li l-kreattività għandha tkun impenn ta’ kull wieħed u waħda minna, irrispettivament jekk aħniex parti minn istituzzjoni jew le

Il-President ta’ Malta George Vella u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ppreżentaw il-Premju tal-President għall-Kreattività lil erba’ organizzazzjonijiet, Gabriel Caruana Foundation bil-proġett Whereabout Are You From għall-2021, filwaqt li Inizjamed bil-proġett Niġru Ġrajja, Outlook Coop b’We Are All Story Tellers u Fondazzjoni Sebħ b’See My Voice huma l-benefiċjarji għas-sena 2022.

Waqt li feraħ u awgura lir-rebbieħa għall-impenn li daħlu għalih, il-President ta’ Malta nnota li l-għan ewlieni f’dawn il-proġetti għandu jkun dak “li nixprunaw il-kreattività, inkebbsu l-immaġinazzjoni, u nħeġġu lill-komunitajiet tagħna biex jgħixu l-kreattività wkoll permezz tas-sehem tagħhom.”

Il-President Vella qal li l-kreattività għandha tkun impenn ta’ kull wieħed u waħda minna, irrispettivament jekk aħniex parti minn istituzzjoni jew le. “It-tiftix u l-kisba tal-kwalità m’għandhiex tkun biss fuq proġetti nazzjonali, iżda tinżel ukoll f’kull saff tas-soċjetà tagħna”, żied jgħid il-President.

Il-Premju tal-President għall-Kreattività huwa parti minn serje ta’ inizjattivi tal-Kunsill Malti għall-Arti maħsuba li jsaħħu l-inklussività, l-iżvilupp tal-komunità u l-benesseri permezz tal-parteċipazzjoni kulturali u l-espressjoni kreattiva.

“Aħna nemmnu bis-sħiħ li l-aċċess għall-kultura huwa dritt fundamentali ta’ kull bniedem u, permezz ta’ inizjattivi ta’ din is-sura, qegħdin inkomplu nippromwovu l-għarfien u t-tħaddin ta’ narrattivi diversi, filwaqt li nkomplu nżidu l-opportunitajiet sabiex l-artisti u l-kreattivi tagħna jimirħu aktar,” qal il-Ministru Owen Bonnici waqt iċ-ċerimonja ta’ premjazzjoni.

Bonnici semma kif fl-aħħar seba’ snin kien hemm investiment ta’ €640,000 fi proġetti fil-komunità permezz tal-Premju tal-President għall-Kreattività li jinqasam fi tnejn, waħda għall-Bini u l-Iżvilupp tal-Kapaċità, u l-oħra ffukata fuq il-Proġetti/Programmi li jħaddnu l-għanjiet tal-Premju.

“Minn mindu l-Kunsill Malti għall-Arti qiegħed jikkollabora fuq din l-inizjattiva mal-Uffiċċju tal-President, kien hemm total ta’ 56 benefiċjarju,” qalet id-Direttur għal Fondi u Strateġija Mary Ann Cauchi.

“Permezz tal-Premju tal-President għall-Kreattività, qegħdin nindirizzaw ukoll wieħed mill-għanijiet tal-miri strateġiċi tal-Istrateġija 2025, li l-arti u l-kultura jilħqu aktar nies f’kull aspett ta’ ħajjithom, sabiex ikun hawn ekoloġija kulturali u kreattiva aktar diversa u innovattiva, li hi apprezzata mill-komunità li tħaddanha.”

Din l-inizjattiva qiegħda tkompli tenfasizza l-promozzjoni tad-drittijiet kulturali u l-għoti ta’ aktar opportunitajiet biex in-nies jinvolvu ruħhom fl-espressjoni kreattiva, li l-Kunsill Malti għall-Arti jkompli jippromwovi b’mod kontinwu fix-xogħol tiegħu. 

Dawn il-prinċipji huma riflessi fil-proġetti li qegħdin jitwettqu bil-Premju tal-President għall-Kreattività. Il-proġett Wherebout Are You From jinvolvi l-ingaġġ ta’ uffiċjal għal Gabriel Caruana Foundation biex tiżviluppa inizjattivi fil-komunità, tifhem il-bżonnijiet rispettivi, u tiżviluppa l-involviment fil-komunità. Niġru Ġrajja ta’ Inizjamed ilaqqa’ setturi differenti tal-komunità mill-Ħamrun, fosthom adulti, żgħażagħ u migranti, b’attenzjoni speċjali fuq stejjer umani.

Il-parteċipanti ta’ Spero fi ħdan Outlook Coop se jinħolqilhom spazju sigur permezz tal-proġett We Are All Storytellers. Dan il-proġett se jinvolvi parteċipanti neqsin mid-dawl f’workshops immexxija minn artisti professjonali. Il-proġett jilħaq il-qofol tiegħu bi produzzjoni għat-televiżjoni lokali. See My Voice jikkonsisti f’serje ta’ workshops maħsuba biex jgħinu lil nisa, tfal u żgħażagħ li esperjenzaw vjolenza domestika fi ħdan Fondazzjoni Sebħ. Il-proġett se jinkludi l-arti u ż-żfin bħala forom ta’ espressjoni kreattiva u ħiliet alternattivi.

More in Politika