Inawgurat il-Konsulat Ġenerali ta’ Malta f’Istanbul, it-Turkija

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin fakkar dwar l-irwol importanti li dan il-konsulat għandu, b’mod partikolari fejn tidħol ħidma konsulari bħal ċittadinanza, visas u passaporti

Ilbieraħ il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg inawgura l-Konsulat Ġenerali ta’ Malta f’Istanbul, it-Turkija.

Fid-diskors tal-okkażjoni, il-Ministru Ian Borg sostna li huwa ta’ unur għal Malta li tkompli ssaħħaħ il-preżenza tagħha f’din il-belt tant magħrufa. Ingħad kif fl-aħħar snin, permezz tal-konsulat, ġew assistiti numru ta’ viżitaturi Maltin fit-Turkija u rnexxielhom jinħolqu relazzjonijiet ta’ kummerċ b’saħħithom bejn iż-żewġ pajjiżi.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin fakkar dwar l-irwol importanti li dan il-konsulat għandu, b’mod partikolari fejn tidħol ħidma konsulari bħal ċittadinanza, visas u passaporti. Huwa kompla jgħid kif permezz ta’ dan il-konsulat, ta’ pajjiż li huwa membru tal-Unjoni Ewropea, hemm potenzjal qawwi li tkun stabbilita aktar ħidma konġunta relatata man-negozju.

Il-Ministru Borg irringrazzja lill-Konslu Ġenerali Walter Mallia flimkien mal-Ambaxxatur ta’ Malta għat-Turkija Theresa Cutajar tal-ħidma tagħhom f’dan il-pajjiż tant importanti.

L-Ambaxxatur ta’ Malta għat-Turkija Theresa Cutajar u l-Konslu Ġenerali Walter Mallia sostnew li din l-inawgurazzjoni hija turija oħra tar-relazzjoni pożittivi li teżisti bejn pajjiżna u t-Turkija kif ukoll pass ieħor li potenzjalment ikompli jiftaħ aktar bibien għall-aktar opportunitajiet ġodda.

More in Politika