Aktar minn 100 attur jerġgħu jagħtu l-ħajja lil Betlehem f'Għajnsielem

Ilbieraħ ġiet imnedija t-13-il edizzjoni ta’ Betlehem f’Għajnsielem

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, nieda t-13-il edizzjoni ta’ Betlehem f’Għajnsielem.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li l-fatt li qed tiġi inawgurata t-13-il edizzjoni ta’ Betlehem f’Għajnsielem, jixhed is-suċċess ta’ din l-attrazzjoni matul is-snin.

Il-presepju ħaj huwa mifrux fuq medda ta’ 20,000 metru kwadru u b’aktar minn 100 attur għal darb’oħra se joffri esperjenza unika tal-istorja tan-natività. 

Bħas-snin l-imgħoddija, dan il-presepju ħaj se joffri wkoll taħlita ta’ tradizzjonijiet u snajja’ lokali flimkien ma’ dak kollu li ġeneralment wieħed jassoċja mal-presepju tradizzjonali Malti.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli tkellmet dwar l-importanza ta’ attivitajiet soċjali u kulturali sabiex il-lokalitajiet jibqgħu ħajjin, filwaqt li jiċċelebraw it-tradizzjonijiet ta’ pajjiżna.  

Hija ħeġġet biex aktar kunsilli lokali japplikaw għal skemi li toħroġ id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali minn żmien għal żmien għal attivitajiet kulturali, sabiex jippromwovu l-wirt kulturali tal-lokalitajiet tagħhom kif ukoll iżidu t-turiżmu lokali fil-lokalitajiet u fil-bliet rispettivi tagħhom.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm billi rringrazzja lill-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem u lil dawk kollha li taw sehemhom sabiex għal sena oħra setgħet tittella’ edizzjoni oħra ta’ Betlehem f’Għajnsielem. 

Għall-ħinijet tal-animazzjoni tista’ żżur is-sit ghajnsielem.com/bethlehem.

More in Politika