Fil-ġimgħat li ġejjin se tibda' titqassam l-għotja tal-COLA

Din l-għotja addizzjonali se tintbagħat direttament fil-kont bankarju 

Fiż-żmien li ġej ’il fuq minn 45,000 familja u 86,500 individwu se jibdew jirċievu fil-kont bankarju tagħhom l-għotja addizzjonali tal-COLA. Ħabbru dan il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana u l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-mekkaniżmu l-ġdid għall-għoli tal-ħajja għall-vulnerabbli li ġie mħabbar fil-Budget.

Din l-għajnuna se tibqa’ tingħata kull sena u tiġi riveduta kull meta r-rata tal-inflazzjoni tkun għolja ħafna. Jekk ir-rata tal-inflazzjoni terġa’ tinżel għal-livelli reġistrati matul l-aħħar snin, l-ammonti jerġgħu jkunu l-istess bħal ta’ din is-sena. B’hekk dan il-mekkaniżmu se jkun qed jara dak li jkun qed jiġri fl-ekonomija ta' pajjiżna u jikkoreġi l-ammonti li se jkunu qed jirċievu l-familji.

“Dan il-mekkaniżmu huwa mfassal fuq il-prinċipju tal-ġustizzja soċjali. Min jiflaħ l-anqas se jkun qed jieħu l-iktar u iktar ma tkun numeruża dik il-familja, iktar ikun l-ammont li se tibbenefika minnu għaliex ikbar ikun ir-riskju ta’ faqar. B’dan il-mekkaniżmu, ir-rata tal-faqar fost l-anzjani se tkun qed tonqos b’punt perċentwal. Barra minn hekk, rajna li dan il-benefiċċju jkun wieħed sostenibbli u kull Gvern għada pit’għada se jkun kapaċi jiflaħ il-piż finanzjarju tiegħu,” qal il-Ministru Caruana. 

“Għamilna ħafna sabiex naqqasna d-dipendenza soċjali, speċjalment permezz ta’ miżuri li jdaħħlu aktar nies fid-dinja tax-xogħol, it-tapering of benefits, l-inwork benefit. Mhux biss daħħalna u għadna nsostnu dawn il-miżuri, iżda komplejna nsaħħu dawn l-benefiċċji, biex naraw li nilħqu aktar familji,"temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Għal aktar informazzjoni wieħed għandu jċempel fuq freephone 153.

More in Politika