Patri Dijonisju Mintoff wieħed mir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat 2022

Il-President George Vella appella biex jissaħħaħ id-djalogu bejn inizjattivi altruwistiċi lokali u b’hekk ma jkunx hemm telf ta’ riżorsi jew kampanji li jaħdmu għall-istess għan

Patri Dijonisju Mintoff, il-fundatur tal-Laboratorju tal-Paċi kien wieħed mir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat 2022.

Fil-Laboratorju tal-Paċi, Patri Dijonisju jaħdem ma' ħafna immigranti u f'April li għadda, anke l-Papa Franġisku għamel żjara lill-istess lok u tkellem u faħħar l-impenn ta' Patri Dijonisju.

"Bħal xrar żgħar, dawk li jagħżlu li jagħtu mill-ħin tagħhom għall-volontarjat għandhom iċ-ċans ikebbsu l-imħabba permezz ta’ azzjonijiet żgħar, iżda li jġibu bidla kbira fil-ħajja ta’ dak li jkun.” Hekk qal il-President George Vella waqt is-serata waqt li faħħar id-dedikazzjoni u d-determinazzjoni li bosta individwi u gruppi juru fil-mixja tagħhom lejn soċjetà aktar ħanina, inklussiva, u li verament tirrifletti pajjiż modern, ġust u ċivilizzat. 

“Il-volontarjat huwa wieħed mill-pilastri ewlenin fuq xiex iserraħ il-poplu tagħna”, qal il-President, waqt li appella biex aktar persuni u kumpaniji jagħrfu l-benefiċċji li jġib miegħu l-volontarjat u jkunu ta’ kontribut siewi għall-mixja lejn Malta aktar ġusta u ħanina. 

Il-President saħaq fuq il-ħtieġa ta’ komunikazzjoni bejn organizzazzjonijiet volontarji varji. Qal li meta tara organizzazzjonijiet volontarji jaħdmu għall-istess għan jitilfu opportunitajiet sempliċiment għax ikunu qed jiġbdu l-ħabel minn kull tarf flok minn tarf wieħed.

Għalhekk, appella biex jissaħħaħ id-djalogu bejn inizjattivi altruwistiċi lokali u b’hekk ma jkunx hemm telf ta’ riżorsi jew kampanji li jaħdmu għall-istess għan. 

Preżenti għas-serata kien hemm ukoll il-Ministru Julia Farrugia Portelli.  

Ir-rebbieħa huma: 

Voluntier tas-Sena: Corinne Farrugia – RMJ Horse Rescue 

Voluntier Żagħżugħ/a tas-Sena: Tatiana Muscat – Multiple Sclerosis Society Malta 

Organizzazzjoni Volontarja tas-Sena: RMJ Horse Rescue 

Kumpanija li tassisti lis-Settur Volontarju: HSBC Malta p.l.c. 

Premju Victor Calvagna – Tfal fil-Volontarjat: Matthew Farrugia – Home Away from Home 

Premju Speċjali għal ħidma volontarja minn individwu fil-komunità – Patri Dijonisju Mintoff – Laboratorju tal-Paċi

More in Politika