L-ITS bl-akbar numru ta' gradwati minn meta twaqqfet 35 sena ilu

Fl-aħħar jiem, 325 student gradwaw mill-ITS

L-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) rreġistra l-għola rata ta’ studenti li ggradwaw minn mindu twaqqfet din l-istess istituzzjoni edukattiva 35 sena ilu. 

Fil-fatt, fl-aħħar jiem, 325 student gradwaw mill-ITS, b’25 persuna, li ħafna minnhom huma diġà familjari fi ħdan l-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità, iggradwaw f’Masters fl-International Hospitality Management li hija offruta f’affiljazzjoni akkademika mal-Emirates Academy of Hospitality Management.

Ħafna minn dawn il-gradwati kienu mgħejuna mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu permezz ta’ boroż ta’ studju li kienu offruti matul il-bidu tal-pandemija, sabiex l-industrija tkompli tiġi mħarrġa matul ix-xhur ta’ restrizzjonijiet kontinwi. 

Dawn id-dettalji tħabbru fiċ-ċerimonja uffiċjali ta’ gradwazzjoni indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u l-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech. 

Il-Ministru Clayton Bartolo saħaq kif dan in-numru ta’ gradwati jsaħħaħ l-impenn tal-Gvern li jkompli jassisti l-Istitut għall-Istudji Turistiċi bl-aħjar għodod neċessarji.

Il-Kap Eżekuttiv Pierre Fenech irrimarka li qiegħda ssir ħidma importanti biex l-ITS tinbidel f’ċentru ta’ eċċellenza u innovazzjoni fit-turiżmu u l-ospitalità, permezz ta’ tagħlim u taħriġ ta’ persunell prospettiv tal-industrija, kif ukoll dawk li diġà jaħdmu fi ħdan l-industrija. 

More in Politika