Il-PN jgħid li l-Gvern għandu l-aħħar ċans biex iħallas lura lil dawk li 'nsterqu' fil-kontijiet

Jinsisti li jekk il-Gvern ma jaċċettax li jagħti lura l-flus li tħallsu żejda fl-aħħar snin se jkun qed ikompli bi proċeduri fil-Qorti

 

Il-Partit Nazzjonalista qal li llum il-Gvern għandu l-aħħar ċans biex jagħżel li jagħmel ġustizzja ma’ dawk kollha li, skont il-PN, insterqu mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Illum il-Parlament se jkun qed jiddiskuti l-mozzjoni li ressaq il-Partit Nazzjonalista biex ikunu emendati żewġ Avviżi Legali biex "kull min insteraq mis-sistema tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma jkun jista’ jieħu lura mhux biss il-flus li ħallas żejda fis-sena 2022, iżda anke dawk li ħallas żejjed fis-snin ta’ qabel."

Fi stqarrija, il-PN qal li l-Avviż Legali li daħħal il-Gvern jinforza dak li ilu jsostni l-Partit Nazzjonalista dwar kif għandu jinħadem il-“konsum kumulattiv annwali”.

"Iżda biex tassew issir ġustizzja, dawn l-Avviżi Legali jridu jidħlu fis-seħħ b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014, is-sena li fiha l-konsumaturi bdew jirċievu l-kontijiet attwali kull xahrejn u mhux biss mill-1 ta’ Jannar 2022, kif jgħidu l-Avviżi Legali li ppubblika l-Gvern," tispjega l-istqarrija.

Fakkar kif ilu mill-2018 li tkellem dwar il-mod kif kienu qed jinħadmu l-kontijiet u l-Awditur Ġenerali u anke l-Qorti, tawh raġun, tant li l-Gvern kellu jemenda l-mod kif jinħadmu l-kontijiet.

"Dan hu l-aħħar ċans li l-Gvern jiddeċiedi li jirritorna lura dan is-serq u ssir ġustizzja mal-konsumaturi kollha milquta mingħajr ma jkollhom għalfejn jirrikorru għall-Qrati. F’każ li l-Gvern jibqa’ jwebbes rasu u l-Parlament jivvota kontra l-interess tal-poplu, il-Partit Nazzjonalista jibda l-proċeduri fil-Qrati għall-kawża kollettiva li nieda ftit tal-ġimgħat ilu," insistiet l-istqarrija.

More in Politika