L-NCPE tilqa' l-emendi tal-Gvern 'għal aċċess ta' servizz bażiku tas-saħħa'

Il-Kummissjoni titlob għal aktar sensittività mill-politiċi u l-partiti interessati, irrispettivament mill-pożizzjoni personali

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) tappoġġja bis-sħiħ l-emenda mressqa tal-kodiċi kriminali li se tippermetti t-tmiem ta’ tqala meta l-ħajja tal-mara tkun fil-periklu.

Bħala l-korp nazzjonali tal-ugwaljanza responsabbli mid-diskriminazzjoni fl-isfera tal-provvista tas-servizzi abbażi ta’ sess, l-NCPE tinnota li l-impożizzjoni leġiżlattiva attwali li tipprojbixxi t-terminazzjoni tat-tqala "ixxekkel l-aċċess tan-nisa għal servizz bażiku tas-saħħa li jsalva l-ħajja. Fil-prattika, dan ifisser li n-nisa qatt ma jistgħu jkunu ċerti li se jittieħdu l-aħjar deċiżjonijiet mediċi dwar saħħithom u ħajjithom peress li t-tobba huma marbuta b’liġi arkajka li ma tipproteġix b’mod adegwat il-benessri tan-nisa tqal u twassal għal tbatija bla bżonn." L-NCPE tgħid li dan "in-nuqqas serju" ħareġ b'mod evidenti fil-każ riċenti ta’ Andrea Prudente li kellha tittieħed bl-ajru lejn Spanja biex tirċievi l-kura.

Barra minn hekk l-NCPE tisħaq li skont id-definizzjonijiet, in-normi u l-prattiċi internazzjonali stabbiliti, "m’għandu jkun hemm l-ebda eċċezzjoni għas-saħħa mentali meta jkunu qegħdin jiġu stabbiliti x’jikkostitwixxi periklu għas-saħħa u l-ħajja tal-mara." Temmen li s-saħħa mentali tan-nisa hija ugwalment importanti daqs is-saħħa fiżika tagħhom u t-tnejn huma marbutin b'mod inseparabbli flimkien. L-isfurzar ta’ eċċezzjoni bħal din "mhux biss se tipperikola s-saħħa u l-ħajja tan-nisa bi problemi ta’ saħħa mentali, iżda tibgħat ukoll messaġġ ħażin ħafna li s-saħħa mentali tan-nisa hija ta’ inqas sinifikat."

L-NCPE tappella wkoll għal aktar sensittività mill-partiti interessati u politiċi kollha meta tiġi diskussa l-emenda proposta tal-kodiċi kriminali. "Irrispettivament mill-pożizzjoni tal-individwu fid-dibattitu attwali, l-esperjenzi tan-nisa li għaddew minn żminijiet ta’ sfida u ta’ uġigħ m’għandhom qatt jiġu ridikolati jew miċħuda iżda pjuttost mismugħa, rispettati, apprezzati u mogħtija l-kunsiderazzjoni xierqa," temmet tgħid l-NCPE. 

More in Politika