F'sebat ijiem jinġabru xejn inqas minn miljun kontenitur tax-xorb għar-riċiklaġġ

Fl-ewwel sebat ijiem, inġabru 40 tunnellata ta’ kontenituri vojta minn madwar Malta u Għawdex. Dawn issa qed jiġu magħżula fil-Clearing Centre bi tħejjija għar-riċiklaġġ

Fl-ewwel ftit jiem minn meta ġiet introdotta l-Iskema ta' Rifużjoni tal-Kontenitur tax-Xorb, inġabru xejn inqas minn miljun kontenitur tax-xorb tat-tip single-use.

B’kollox, fl-ewwel sebat ijiem, inġabru 40 tunnellata ta’ kontenituri vojta minn madwar Malta u Għawdex. Dawn issa qed jiġu magħżula fil-Clearing Centre bi tħejjija għar-riċiklaġġ, biex fl-aħħar mill-aħħar jerġgħu jintużaw biex isiru kontenituri tax-xorb ġodda.

Il-Kap Eżekuttiv ta' BRCS Malta Ltd, l-Inġ. Edward Chetcuti nnota r-rispons pożittiv tal-pubbliku u r-rata għolja ta’ parteċipazzjoni. Fi kliemu, dan jikkonferma l-għażla li jiġi adottat il-mudell ta’ Skema ta’ Depożitu ta’ Rifużjoni li jippromwovi u jinkoraġġixxi qafas ta’ responsabbiltà kollettiva kondiviża li fl-aħħar mill-aħħar jirriżulta f’ambjent Malti aktar nadif u ekoloġiku.

l-Iskema ta' Rifużjoni tal-Kontenitur tax-Xorb laħqet il-miljun kontenitur tax-xorb tat-tip single-use iġbur għar-riċiklaġġ fl-ewwel ftit jiem. Wara kampanja edukattiva intensiva, fl-14 ta’ Novembru tnediet l-iskema mifruxa mal-pajjiż kollu mmexxija mill-operatur liċenzjat bla skop ta’ qligħ, BCRS Malta Ltd, u sa mill-bidu tal-iskema ġiet irreġistrata żieda qawwija fil-parteċipazzjoni tal-pubbliku. 

“Ninsabu mimlijin kuraġġ bis-sehem tal-komunità biex jirritornaw kontenituri vojta għar-riċiklaġġ,” qal Chetcuti.  

Fil-jiem li ġejjin, BCRS Malta se tinstalla aktar Reverse Vending Machines (RVM) f’ċertu lokalitajiet, kif ukoll tkompli ssaħħaħ il-loġistika ġenerali.

Fix-xhur preparatorji ta’ qabel it-tnedija, BCRS Malta Ltd. għamlet investiment privat ta’ €18-il miljun biex tpoġġi l-infrastruttura meħtieġa – inkluż il-BCRS Clearing Centre f’Ħal Far – kif ukoll makkinarju avvanzat, netwerk tat-teknoloġija inklużi l-RVMs operati mill-IoT, u ħaddiema professjonali. 

L-iskema qed titmexxa minn netwerk estensiv ta’ Reverse Vending Machines li jirriċiklaw kontenituri vojta tax-xorb li jintużaw darba biss mingħand il-konsumaturi, u mill-magni stess jingħataw rifużjoni tad-depożitu. 

Il-konsumaturi jistgħu jiksbu lura rifużjoni sħiħa tad-depożitu permezz ta’ tliet modi differenti; f’Reverse Vending Machine installata fis-Supermarkets u l-ħwienet tal-merċa; f’Reverse Vending Machine f’Public Recycling Hubs installati f’diversi lokalitajiet u, fejn applikabbli, billi wieħed jeħodhom għand bejjiegħa tal-merċa li qed jipparteċipaw fl-iskema bħala post ta’ fidwa bl-użu ta’ ġbir manwali.

Fil-każ ta' stabbilimenti tal-catering, id-depożitu għandu jitħallas mill-konsumatur biss meta l-kontenitur tax-xorb jitneħħa mill-istabbiliment mill-konsumatur stess. 

Meta jiġi kkunsmat fil-post, il-konsumatur m'għandux iħallas għad-depożitu, u l-istabbiliment għandu jżomm il-kontenituri tax-xorb u biex ikun jista’ jitlob lura d-depożitu meta l-kontenituri msemmija jintbagħtu lura lill-BCRS.

Għal aktar tagħrif dwar BCRS jew biex issib l-eqreb Reverse Vending Machine, żur https://bcrsmalta.mt

More in Politika