'Il-Parlament jixraqlu aħjar, Aaron Farrugia għandu jerfa' r-responsabilità politika'

Adrian Delia u Robert Cutajar jgħidu li 'l-poplu hu inkwetat bl-iskandli' li qed iseħħu fil-Ministeru tat-trasport

Il-Kelliem għat-Trasport, Mobilità u l-Proġetti Kapitali Adrian Delia flimkien mal-Whip, is-Segretarju tal-Grupp Parlamentari u Kelliem għas-Self Employed u Intrapriżi ż-Żgħar Robert Cutajar qalu li l-Parlament, bħala l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, jixraqlu ħafna aħjar u għaldaqstant Aaron Farrugia "għandu jerfa' r-responsabilità tan-nuqqas tiegħu."

Qalu li "ma jistax ikun jibqa’ jkollna Ministri u Segretarji Parlamentari li ma jidħlux fil-Kamra tar-Rappreżentanti biex, għal tal-apposta, ma jwieġbux il-mistoqsijiet li l-Membri Parlamentari jagħmlu f’isem il-Maltin u l-Għawdxin." 

Il-kelliema spjegaw kif it-Tlieta li għadda, Membri Parlamentari raw lill-Ministru Aaron Farrugia ħiereġ mil-lift fl-4:20.P.M. , minkejja li kien jaf li kellu jwieġeb għall-Mistoqsijiet Parlamentari 20 minuta qabel. Sa dan il-mument, il-Ministru Owen Bonnici wieġeb f’isem Aaron Farrugia, "bil-Ministru tat-Toroq jagħżel li jaħrab milli jidħol fil-Kamra tar-Rappreżentanti u, minflok, jistaħba fil-bini tal-Parlament."

Quddiem din iċ-ċirkostanza ntalab ruling mill-Ispeaker, li min-naħa tiegħu iddikjara nuqqas mill-Ministru Farrugia  filwaqt li talab lill-Ministri biex ikunu fil-Kamra tar-Rappreżentanti biex iwieġbu l-mistoqsijiet li jsirulhom.

Il-kelliema nnutaw kif is-Sedja mhux biss irreferiet għar-responsabbiltà kollettiva, iżda wkoll għar-responsabbiltà individwali ta’ Aaron Farrugia, kif ukoll li l-Ministri għandhom jaġixxu skont il-Kodiċi ta’ Etika. Għaldaqstant, innotaw kif il-Ministru Farrugia għadu ma ntalabx jagħti spjegazzjoni ta’ għemilu quddiem il-Kummissarju tal-Istandards.

Il-kelliema tennew li Aaron Farrugia naqas għax, bħala Ministru tat-Trasport, "qed jinganna lill-poplu, ladarba ma jridx iwieġeb għad-domandi li qed isirulu mid-Deputati li, fuq kollox, jirriflettu s-sentiment tan-nies." Spjegaw li "l-poplu hu inkwetat bl-iskandli li qed iseħħu f’dan il-Ministeru," fosthom dak tal-flyovers tal-Marsa, il-mod kif inħarġu liċenzji bi pjaċir u aktar riċenti l-aggressjoni minn Uffiċjali ta’ Transport Malta fuq sewwieq li twaqqaf għall-kontroll.

Iż-żewġ Deputati qalu li dwar dan kollu, Aaron Farrugia "għadu ma lissen l-ebda kelma u għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jappellalu biex jerfa’ r-responsabbiltà politika għal dan in-nuqqas serju lejn l-ogħla istituzzjoni fil-pajjiż." 

Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-ħtieġa li, mhux biss tkun ikkontrollata s-sitwazzjoni tat-traffiku iżda wkoll jitnaqqsu t-traġedji fit-toroq tagħna. Fost l-oħrajn, il-Partit Nazzjonalista jtenni l-ħtieġa ta’ teleworking, sistema effettiva ta’ immaniġġjar ta’ traffiku u li tal-linja mhux biss ikunu b’xejn, iżda aktar frekwenti ħalli anqas nies iħossu l-ħtieġa li jużaw il-karozzi tagħhom biex imorru minn post għal ieħor.

More in Politika