'L-irkupru ekonomiku issa qed iwassal għal riżultati aħjar minn dawk ta' qabel il-pandemija'

Il-Prim Ministru jinawgura faċilità ġdida b'investiment ta' €12-il miljun

Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela  sostna li "issa m'għadux biss il-mument li nibqgħu nitkellmu fuq irkupru iżda dak l-irkupru issa qed iservi biex nilħqu livelli ogħla u ġodda." Dan qalu fl-indirizz li għamel hekk kif inawgura l-faċilità ġdida ta' Burmarrad Group, li espanda l-operat tiegħu investiment ta' €12-il miljun u li ġew riġenerati mal-14,000-il metru kwadru ta' spazju industrijali f'ċentru marbut mal-vetturi. Dan sostnieh f’kuntest li f’ħafna oqsma, "pajjiżna qed jikseb riżultati aħjar minn dawk ta’ qabel il-pandemija."

Apparti minn hekk Abela rrefera għal żewġ rapporti, wieħed tal-Kummissjoni Ewropea u ieħor tal-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu Fitch, li lkoll irrimarkaw li Malta se tkun fost l-aqwa fit-tkabbir ekonomiku.

Abela nnota li fl-aħħar sentejn, il-grupp irdoppja n-numru tal-impjegati tiegħu biex illum iħaddem mitt ruħ. Fisser dan il-fatt u negozji oħra li qed jespandu bħala "turija ta’ fiduċja f’pajjiżna." 

Irrimarka wkoll li l-imprendituri qed jaħdmu fuq l-għan sostenibbli bħal investiment f’għodod u teknoloġiji iktar ħodor li jieħdu ħsieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Il-Prim Ministru fakkar fl-inċentivi li ħabbar fil-Baġit, inkluż l-irduppjar fl-għajnuna finanzjarja biex kumpaniji Maltin jinvestu fi proġetti diġitali u sostenibbli "apparti li hemm iddedikati €20 miljun għar-rinnovar favur il-klima ta’ binjiet kummerċjali fis-settur privat."

Abela temm jgħid li ma’ dawn l-inċentivi l-Gvern "se jkompli jinvesti fis-sistema edukattiva biex it-tfal ikollhom il-ħiliet għax-xogħol li qed jinħoloq filwaqt li qed isir investiment fl-infrastruttura u għalhekk is-sena d-dieħla se jsir investiment kapitali rekord ta’ €920 miljun."

More in Politika