Is-Servizz tal-Pulizija fil-Komunità estiż għal tmien lokalitajiet oħrajn

Il-Ministru Byron Camilleri fakkar li din is-sena pajjiżna esperjenza wkoll tnaqqis ta’ 7% fil-kriminalità, filwaqt li kien hemm żieda ta’ 15% fil-fiduċja tal-pubbliku fil-Korp tal-Pulizija

Illum tħabbar li b’effett mill-20 ta’ Novembru li ġej se jiġi estiż is-Servizz tal-Pulizija fil-Komunità fi tmien lokalitajiet ġodda, li jinkludu: Ħaż-Żabbar, ix-Xgħajra, Marsaskala, San Ġwann, iż-Żurrieq, il-Qrendi, Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi. B’hekk 75% tal-pajjiż kollu se jkun kopert minn dan is-servizz, sakemm is-sena d-dieħla dan ikun ġie estiż madwar il-pajjiż kollu, hekk kif ġie mħabbar fil-Budget 2023.

L-estensjoni ta’ dan is-servizz tħabbret waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, ġewwa Ħaż-Żabbar. Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti s-Sindki u r-rappreżentanti tal-Kunsilli Lokali rispettivi flimkien mal-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, is-Sur Mario Fava.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri qal li bl-introduzzjoni ta’ dan il-kunċett qed naraw servizz tal-pulizija aħjar fil-komunitajiet fejn dawn joperaw. Fakkar li din is-sena pajjiżna esperjenza wkoll tnaqqis ta’ 7% fil-kriminalità, filwaqt li kien hemm żieda ta’ 15% fil-fiduċja tal-pubbliku fil-Korp tal-Pulizija.

Il-Ministru Camilleri qal li għalhekk il-Gvern se jkompli jsaħħaħ dan is-servizz li qed ipoġġi lill-Korp tal-Pulizija aktar viċin il-komunità, "servizz li mhux biss qed jgħin lill-pubbliku, iżda wkoll qed jgħin lill-Korp tal-Pulizija sabiex ikollu aktar viżibilità ta’ ċertu xejriet ta’ kriminalità f’kull lokalità madwar Malta u Għawdex.”

Il-Ministru Byron Camilleri
Il-Ministru Byron Camilleri

More in Politika