Biden jgħid li l-elezzjonijiet kienu 'aħbar tajba għad-demokrazija' ... Trump iddiżappuntat

Minkejja li s-sondaġġi ma kienu qed jiffavorixxu xejn lil Biden, id-Demokratiċi rnexxielhom iżommu lir-Repubblikani milli jagħmlu r-rebħa kbira li kienu qed jistennew u li kienet imbassra

Hekk kif ir-riżultat tal-elezzjonijiet tal-midterm fl-Istati Uniti jsir aktar ċar, id-Demokratiċi jinsabu kuntenti li rnexxielhom iżommu lir-Repubblikani milli jagħtuhom it-tkaxkira li kienet imbassra, anke jekk ir-Repubblikani x’aktarx li se jkollhom il-kontroll tal-Kamra tar-Rappreżentanti. 

Fl-ewwel kummenti tiegħu wara li r-riżultat beda jidher aktar ċar, il-President Amerikan Joe Biden qal li r-rebħa kbira li r-Repubblikani kienu qed ibassru ma waslitx. Madanakollu huwa rrikonoxxa li kien hemm messaġġi li ntbagħtu f'din l-elezzjoni u li hemm bżonn li jiġu indirizzati.

Kif inhuma l-affarijiet bħalissa, iż-żewġ partiti għadhom fiċ-ċans li jirbħu l-kontroll tas-Senat u anke tal-Kamra tar-Rappreżentanti, għalkemm din tal-aħħar, x’aktarx li se tispiċċa f’idejn ir-Repubblikani.

Dan jagħmel l-aħħar sentejn tal-Presidenza ta’ Joe Biden aktar diffiċli għax ikun aktar diffiċli għaliex li jimbotta ‘l quddiem l-aġenda u l-liġijiet li jixtieq.

Is-sondaġġi fl-aħħar xhur ma kinux qed jawguraw tajjeb għal Biden, b’mod partikolari minħabba l-inflazzjoni qawwija imma minkejja dan, id-Demokratiċi rnexxielhom iżommu lir-Repubblikani milli jagħmlu r-rebħa li kienu jixtiequ. Normalment, dawn l-elezzjonijiet li jsiru f'nofs terminu presidenzjali, iservu bħala referendum fuq l-amministrazzjoni tal-President.

Fil-fatt, sondaġġi li saru fl-aħħar sigħat, juru li l-pożizzjoni tar-Repubblikani fuq l-abort tefgħethom ftit lura mhux ħażin.

“Kienet ġurnata tajba ħafna għad-demokrazija,” qal il-President Amerikan li dan ix-xahar jagħlaq 80 sena u għadu ma qalx jekk hux se jerġa’ jikkontesta biex fl-2024 jitlob it-tieni terminu bħala President Amerikan.

Ir-riżultat finali ta’ din l-elezzjoni, jiġifieri min se jkollu kontroll tal-kungress, se jkun qed jiddependi fuq tliet stati, jiġifieri Arizona, Georgia u Nevada. Fil-każ ta’ Georgia, hekk kif ħadd mill-kandidati ma ġab il-50% tal-voti, se ssir elezzjoni oħra fil-bidu ta’ Diċembru. 

Intant ħafna qed iwaħħlu fl-eks President Amerikan Donald Trump għar-riżultat li kisbu r-Repubblikani u dan jista’ jkollu impatt dirett fuq il-kandidatura tiegħu għall-elezzjoni Presidenzjali tal-2024. 

Fl-aħħar jiem, Trump qal li hemm probabbilità kbira li se jerġa’ jikkontesta imma wara dan ir-riżultat, mhuwiex ċert kemm ir-Repubblikani se jieħdu gost b’dan.

Trump ikkampanja favur 300 kandidat imma dawn ma marrux tajjeb tant kemm kien qed ikun imbassar, bl-eks President jammetti fuq il-midja soċjali li r-riżultat kien “diżappuntanti.”

More in Politika