Il-PM jgħid li d-diskussjoni mwiegħda mill-PL dwar l-ewtanasja trid twassal għal deċiżjoni

Il-Partit Laburista wiegħed diskussjoni dwar dan is-suġġett fil-manifest elettorali tiegħu bil-kumment tal-PM jfisser li sal-aħħar tal-leġislatura hemm ċans li tittieħed deċiżjoni dwar dan is-suġġett

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li d-diskussjoni mwiegħda dwar l-ewtanasja ma tistax tkun diskussjoni li ma twassal għal imkien.

Abela qal dan meta mistoqsi mill-programm Popolin jekk jaqbilx jew le mal-ewtanasja. L-istess mistoqsijiet kienu mibgħuta lill-Membri Parlamentari kollha.

Fit-tweġiba tiegħu, il-Prim Minsitru Abela rrefera għall-manifest tal-Partit Laburista li wiegħed diskussjoni dwar is-suġġett tal-ewtanasja volontarja għal persuni b'mard terminali.

Madanakollu huwa qal ukoll li din mhux se tkun diskussjoni li ma twassal għal imkien imma se tkun sempliċiment "preludju" għal "deċiżjoni eventwali."

Intant, il-Partit Nazzjonalista bagħat tweġiba kollettiva dwar dan is-suġġett, bil-Whip Robert Cutajar jisħaq li l-partit huwa kontra l-ewtanasja.

Insista li "jibqa' jaħdem biex kulħadd jiżviluppa u jħares saħħtu mill-konċepiment sal-aħħar nifs, b'enfasi fuq il-kwalità tal-ħajja."

Uffiċjali oħra tal-Partit Laburista diġà qalu li huma favur. Id-Deputat Mexxej Laburista Daniel Micallef qal ċar u tond li jaqbel u anke l-Ewroparlamentari Cyrus Engerer.

More in Politika