Mozzjoni mill-PN sabiex il-konsumaturi jingħataw 'il-flus li nsterqu mill-kontijiet'

Il-PN jappella biex il-miżura titħaddem b'mod retroattiv mill-1 ta' Jannar 2014

Il-Partit Nazzjonalista llum ippreżenta mozzjoni biex ikunu emendati Avviżi Legali biex "kull min insteraq" mis-sistema tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma jkun jista’ jieħu lura "mhux biss il-flus li ħallas żejda fis-sena 2022, iżda anke dawk li ħallas żejjed fis-snin ta’ qabel."

Il-kontenut tal-Avviżi Legali, imressaq minn Mark Anthony Sammut, Ryan Callus, David Agius u Karol Aquilina, jinforza l-konsum kumulattiv annwali. "Biex tassew issir ġustizzja, dawn l-Avviżi Legali jridu jidħlu fis-seħħ b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014 meta l-konsumaturi bdew jirċievu l-kontijiet attwali kull xahrejn u mhux biss mill-1 ta’ Jannar 2022, kif jgħidu l-Avviżi Legali li ppubblika l-Gvern," qalu d-Deputati. 

Intant fi stqarrija, il-PN qal li l-partit ilu mill-2018 tkellem dwar dan is-serq u kkonfermah b’eżerċizzju wiesgħa li kien għamel. "Il-Gvern innifsu kien irrikonoxxa u ammetta li dan qed jiġri, iżda ħallieh għaddej għal snin sħaħ. Dan kien ġie kkonfermat ukoll mill-Awditur Ġenerali u f’Lulju li għadda anke mill-Qorti." 

Id-Deputati tal-PN qalu li l-inqas ħaġa li wieħed jistenna meta jinsteraq hu li "mhux biss is-serq jieqaf, iżda li jieħu lura kulma jkun ħallas żejjed."

More in Politika