Talbiet għal investigazzjoni mill-UN wara allegat użu ta' drones Iranjani mir-Russja

Hekk kif l-Ukreni qed jaħdmu biex jitfgħu lir-Russi 'l barra minn Kherson, Zelensky jwissi li Putin qed jipprorova jisplodi diga li twassal għal diżastru ta' skala kbira

Vladimir Putin u l-Mexxej Suprem tal-Iran Ayatollah Ali Khamenei
Vladimir Putin u l-Mexxej Suprem tal-Iran Ayatollah Ali Khamenei

Ir-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja sejħu għal investigazzjoni mill-Ġnus Magħquda wara akkużi li r-Russja qed tuża drones Iranjani fl-Ukrajna. Jekk jinstab li dan huwa minnu jkun ksur ta' riżoluzzjoni tas-sigurtà tal-istess Ġnus Magħquda, li permezz tagħha kien aċċettat il-ftehim nukleari tal-Iran. 

Intant il-President Ukren Volodomyr Zelensky ħeġġeġ lill-Punent biex iwissi lir-Russja biex din ma tisplodix diga idroelettrika għax jekk dan iseħħ parti kbira minn nofsinhar tal-Ukrajna tkun mgħerrqa. Dan hekk kif il-forzi Ukreni fl-aħħar jiem qed jaħdmu biex jitfgħu lill-forzi Russi 'l barra minn Kherson. Zelensky qal illi r-Russu impjantaw splussivi ġewwa d-diga ta' Nova Kakhova, li żżomm ammont enormi ta' ilma f'reservoir. 

"Kulħadd fid-dinja irid jieħu azzjoni kemm jista' jkun malajr sabiex ikun evitat attakk terrorista Russu ieħor u diżastru ta' skala kbira," qal Zelensky. Kirill Stremousov iddeskriva dak li qal il-President Ukren bħala "falz."

 

More in Politika