L-Awditur Ġenerali qed jinvestiga l-proġett tal-flyovers tal-Marsa

Dan wara rapporti ta' korruzzjoni anke f'dan il-proġett u li fil-qalba tagħhom hemm Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black u l-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Il-Ministru Aaron Farrugia (Ritratt meħud minn James Bianchi
Il-Ministru Aaron Farrugia (Ritratt meħud minn James Bianchi

Il-Ministru għall-Infrastruttura, Aaron Farrugia qal li l-Awditur Ġenerali qiegħed jinvestiga l-proġett tal-flyovers tal-Marsa u dan wara rapporti li qajmu suspett ta’ korruzzjoni u li fiha kien involut Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black u l-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Ministru Farrugia qal li kellu numru ta’ laqgħat interni u jinsab infurmat li l-Awditur Ġenerali qed jinvestiga dan il-proġett.

“Se jagħmel dak kollu li hemm bżonn u aħna qed noffrulu l-għajnuna kollha tagħna,” qal il-Ministru.

It-Times of Malta kienet żvelat li Yorgen Fenech kien imwiegħed €2 miljun mingħand il-kumpanija li kienet rebħet it-tender għal dan il-proġett. Il-kumpanija Torka Ayhanlar Yol Asfaltlama kellha tagħti l-flus lil Fenech bil-għan li hu jgħina tirbaħ it-tender, kif fil-fatt ġara.

Nofs il-flus kellhom jintbagħtu lill-kumpanija New Energy Supply Limited filwaqt li n-nofs l-ieħor kellhom jidħlu f’Wings Investments, kumpanija viċin il-kont tal-kumpanija l-oħra ta’ Fenech, 17 Black.

Minkejja li rebħet it-tender, Ayhanlar Yol Asfaltlama kellha diversi problemi finanzjarji.

Intant, dan il-proġett qed ikun investigat ukoll mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewroprew (EPPO).

Il-Ministru qal li meta jkunu konklużi dawn l-investigazzjonijiet, il-Gvern se jkun qiegħed iħares lejn ir-rapporti u jieħu d-deċiżjonijiet li jkun hemm bżonn.

Mistoqsi għaliex il-Pulizija mhux tinvestiga dan il-każ, il-Ministru qal li hu jħalli lill-awtoritajiet jagħmlu xogħolhom mingħajt indħil.

More in Politika