Il-President tal-PE tindirizza għall-ewwel darba attività tal-massa f'Malta waqt il-vġili għal Daphne

Roberta Metsola hija waħda mill-mistiedna speċjali li se jkunu qed jieħdu sehem fil-vġili ta' nhar il-Ħadd, fil-ħames anniversarju mill-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia

Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, se tkun qed tindirizza l-vġili li se tfakkar lil Daphne Caruana Galizia fil-ħames anniversarju mill-assassinju tagħha.

Din se tkun l-ewwel attività tal-massa li Metsola se tkun qed tindirizza f'Malta minn meta saret President tal-Parlament Ewropew.

Il-vġili se ssir nhar il-Ħadd li ġej fil-Belt Valletta.

Apparti Metsola, il-vġili se tkun indirizzata wkoll minn Maria Falcone, oħt l-Imħallef Giovanni Falcone li kien inqatel fl-Italja mill-mafja.

Dakinhar filgħodu, l-Arċisqof Charles Scicluna se jmexxi quddiesa għal ruħ Daphne fil-knisja tal-Bidnija u fit-3pm, il-ħin li fih inqatlet Daphne, se ssir ċelebrazzjoni u minuta silenzju fuq il-post li fih ġiet assassinata.

Il-gazzetta ILLUM se tkun qed tippubblika edizzjoni speċjali b'għadd ta' artikli u intervisti dwar dan l-assassinju li heżżeż pajjiż.

More in Politika