'Is-salarju għall-ħaddiema tal-pjattaforma ma jistax ikun inqas mill-paga minima' - Il-PM

Il-Prim Ministru jħabbar li l-Kabinett approva qafas leġiżlattiv li għandu jirregola dak magħruf bħala platform work

F’laqgħa ta’ qabel il-Budget mal-UĦM Voice of the Workers, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li fl-aħħar jiem, il-Kabinett approva qafas leġiżlattiv li għandu jirregola dak magħruf bħala platform work.

Waqt il-laqgħa li saret f'Kastilja, il-Prim Ministru qal li d-dettalji ta' regoli ġodda aktar b'saħħithom biex ikunu mħarsa d-drittijiet ta' dawn il-ħaddiema, mistennija jingħataw mill-Gvern mill-gvern fil-jiem li ġejjin.

Spjega li l-prinċipji ta’ dan il-qafas se jkunu qed jirregolaw il-kuntratt tax-xogħol u li s-salarju ma jistax ikun inqas mill-paga minima fost drittijiet oħra bħal overtime u sick leave.

 Abela saħaq fuq il-ħtieġa tal-kuraġġ fit-teħid tad-deċiżjonijiet wara stħarriġ organizzat u strutturat mill-awtoritajiet, fil-każ tal-platform work, mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg.

Dwar il-Budget, il-Prim Ministru qal li pajjiżna jibqa’ jattira l-investiment u hawn talab għall-kollaborazzjoni tal-imsieħba soċjali filwaqt li wiegħed li l-Gvern se jibqa' jkun ta' sostenn għan-negozji f'dan iż-żmien. 

“L-ebda pajjiż mhu jgħin daqskemm qed jgħin il-Gvern Malti lin-nies, fosthom fil-qasam tal-enerġija u fl-importazzjoni taċ-ċereali”, saħaq il-Prim Ministru li qal ukoll li l-Budget li jmiss irid ikun wieħed ta’ sostenibbiltà u ta’ stabbiltà.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella għadda numru ta’ proposti lill-gvern u saħaq fuq għan komuni għallGvern u l-unions, dik tat-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema.

Vella qal ukoll li l-kumpens għall-għoli tal-ħajja (COLA) ma għandux jiġi trattat bħala parti minn żieda fil-pagi li l-unions jinnegozjaw fi ftehimiet kollettivi.

Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, il-Ministru Clyde Caruana u l-Ministru Michael Falzon, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, id-Deputat tal-Gvern Amanda Spiteri Grech, u l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef. 

More in Politika