Min-nhar it-Tnejn tista' tieħu lura sa €8 fis-sena fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Il-Gvern jirrevedi anomalija fil-mod kif jinħadmu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma u li dwarha saret pressjoni kbira mill-Partit Nazzjonalista u kkummentaw dwarha wkoll l-Avukat Ġenerali u l-Qorti Kostituzzjonali

Il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli ħabbret bidla fis-sistema li biha jinħadmu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, bil-għan li tkun indirizzata anomalija li kienet qed twassal biex xi persuni jitilfu units li ma jkunux qed jużaw u għalhekk jispiċċaw iħallsu aktar.

Min-nhar it-Tnejn li ġej, 10 ta' Ottubru, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma se jkunu qed jinħarġu skont l-emendi li se jkun qed idaħħal il-Gvern għall-Avviż Legali li kien daħal fis-seħħ fl-2009, liema Avviż Legali qatt ma kien emendat u jirregola l-mod kif jinħadmu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

L-anomalija bdiet tidher aktar fiċ-ċar meta l-kontijiet, flok darbtejn f'sena, bdew jinħarġu kull xaharejn. Dan kien wassal biex kienu qed jintilfu xi units fil-bands il-baxxi li l-konsumatur ma jkunx qed juża.

Li se jiġri huwa li bis-saħħa ta' dawn ir-regolamenti, l-ARMS se tniedi sistema ġdida ta' kif jinħadmu l-kontijiet li xorta waħda se jibqgħu jinħadmu kull xaharejn, biex fi kliem il-Ministru Dalli, il-familji jkunu jistgħu jibqgħu jippjanaw aħjar il-finanzi tagħhom.

Kull kont li l-konsumatur se jkun qed jirċievi se jkun qed jinkludi aġġustament għall-units li ma jkunux intużaw fix-xaharejn ta' qabel. Il-kont se jibqa' jidher l-istess iżda se jkun hemm żewġ linji ġodda, waħda li turi l-aġġustament għall-kont tad-dawl u l-oħra li turi l-aġġustament fil-konsum tal-ilma.

Fi kliem sempliċi, il-units li l-klijenti mhux se jkunu qed jużaw f'kull band li jidħlu fiha, se jkunu qed jingħataw fi flus fil-kont ta' wara.

Madanakollu, mill-kontijiet li l-klijenti se jirċievu min-nhar it-Tnejn li ġej, dan l-aġġustament se jkun qiegħed jingħata b'lura mill-1 ta' Jannar 2022. Dan ifisser li madwar 80% tal-familji Maltin se jieħdu sa €8 fuq perjodu tas-sena.

Mill-kontijiet ta' wara, dan l-aġġustament jibda jingħata f'kull kont, skont il-konsum fix-xaharejn ta' qabel, biex hekk ma jkunx hemm bżonn li wieħed jistenna l-aħħar tas-sena biex jieħu lura dak dovut lilu.

Is-sistema tal-eko kontribuzzjoni mhux se tkun qed tinbidel. Skont il-Ministru Dalli, kieku l-Gvern għamel dak li kien ippropona l-Partit Nazzjonalista, li tirrikonċilja l-kontijiet darba fis-sena, kieku kien ifisser li 21% tal-konsumaturi kienu jitilfu dan il-benefiċċji.

X'wassal għal din ir-reviżjoni?

Kien f'Jannar li għadda li l-Ministru Dalli ħabbret li l-Gvern qed jaħdem fuq sistema ġdida u dan wara pressjoni kemm mill-Partit Nazzjonalista u anke mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li ta raġun lil dak li kien qed jgħid il-PN.

Il-Partit Nazzjonalista saħansitra kien stieden lin-nies biex imorru bil-kontijiet id-Dar Ċentrali biex ikun determinat hux qed "jinsterqu" jew le.

Iżda anke l-Qorti Kostituzzonali kienet ġibdet l-attenzjoni tal-Gvern meta żewġ klijenti fittxew lill-ARMS (il-kumpanija li taħdem dawn il-kontijiet).

Fil-fatt, il-Qorti kienet sabet lill-kumpanija ħatja li kissret il-liġi fil-kalkoli tal-kontijiet ta' dawn iż-żewġ persuni u ordnatilha tirrifondi lura l-flus li dawn iż-żewġ persuni kienu ħallsu żejda.

Darren Cordina u Melvin Polidano kienu akkużaw lill-ARMS bi ksur ta' liġi meta l-kontijiet tagħhom kienu qed jinħadmu fuq bażi pro-rata u mhux fuq il-konsum annwali kumulattiv.  

'L-ARMS ma kisritx il-liġi ... aħna solvejna problema li ħoloq il-PN'

Mistoqsija mis-sit illum.com.mt għaliex il-Gvern mhux se jkun qiegħed jirrifondi l-flus kollha li tħallsu żejda, kif iddikjarat il-Qorti (fil-każ imsemmi aktar 'il fuq), il-Ministru saħqet li l-Gvern ma ħax din id-deċiżjoni minħabba dak li ddikjarat il-Qorti, iżda kien diġà ħabbar reviżjoni fil-Baġit tas-sena li għaddiet.

Insistiet li jekk hu minnu li l-Gvern seraq, mela allura għamel dan ukoll il-Partit Nazzjonalista għax kien hu li ħoloq din il-liġi.

"Aħna mhux biss raħħasna l-kontijiet, iżda solvejna wkoll problema li ħoloq il-Partit Nazzjonalista," insistiet.

Fakkret li dan il-każ għadu mhux magħluq hekk l-ARMS qed tappella minn din id-deċiżjoni. Fil-fatt, il-Kap Eżekuttiv tal-ARMS, Silvio Scerri insista li l-ARMS qatt ma għamlet xejn kontra l-liġi u hi kienet qed taħdem biss fil-parametri li tagħtiha l-liġi.

"Ma stajnix inqumu filgħodu u niddeċiedu li nbiddlu l-mod kif jinħadmu l-kontijiet, jekk il-liġi tgħid mod ieħor," saħaq.

Insista li dan iddikjarah anke l-Avukat Ġenerali u kien propju għalhekk li apparti bidla fis-sistema, kien hemm bżonn li jkunu indirizzata anomaliji li jirriżultaw mil-liġi kif kienet.

"Kieku l-ARMS serqet, kieku kien ikun hemm bżonn biss li tinbidel is-sistema li biha taħdem il-kontijiet u mhux tinbidel il-liġi kompletament," qalet il-Ministru Dalli.

'Bidla minima ... imma kbira fil-kuntest tad-deċiżjonijiet li qed jittieħdu fuq livell internazzjonali'

Insistiet li anke jekk din il-bidla forsi tidher minima trid tittieħed fil-kuntest tad-deċiżjonijiet "enormi" u diffiċli li qed jittieħdu fuq livell Ewropew u internazzjonali, fejn mhux biss qed jiżdiedu l-kontijiet iżda saħansitra għaddejja diskussjoni biex jitnaqqas il-konsum, speċjalment fix-xitwa.

"Fl-Italja, ftit passi 'l bogħod minnha, il-kontijiet żdiedu b'60%," insistiet Dalli waqt li temmet tgħid li din id-deċiżjoni tikkonferma l-impenn tal-Gvern li jżomm lill-familji u lin-negozji Maltin fiċ-ċentru tal-politika tal-enerġija.

More in Politika