Il-Parlament kollu jingħaqad biex isellem il-memorja ta' missier Bernard Grech

Missier il-Kap tal-Oppożizzjoni miet fit-18 ta' Settembru li għadda u llum iż-żewġ naħat tal-Kamra, inkluż il-Prim Ministru, sellmu l-memorja tiegħu

Fil-bidu tas-seduta Parlamentari tal-lum, iż-żewġ naħat tal-Kamra sellmu l-memorja ta' missier il-Kap tal-Oppożizzjoni, John Grech, li miet fit-18 ta' Settembru li għadda.

Min-naħa tal-Gvern, tkellem il-Prim Ministru Robert Abela li ta l-kondoljanzi tiegħu u tal-Grupp Parlamentari Laburista lil Bernard Grech u l-familja kollha tiegħu.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni, David Agius, sellem il-memorja ta' John Grech u faħħar il-valuri li huwa kellu u li għadda lill-familja kollha tiegħu.

Insista li anke l-politiċi għandhom x'jitgħallmu minn John Grech għax fi kliemu, hu dejjem poġġa l-interessi ta' ħaddieħor qabel dawk tiegħu.

Anke l-Ispeaker Anġlu Farrugia ngħaqad mal-Kamra u offra l-kondoljanzi tiegħu u tal-ħaddiema kollha tal-Parlament lill-Kap tal-Oppożizzjoni.

Bernard Grech irringrazzja liż-żewġ naħat tal-Kamra u lil dawk kollha li kienu viċin il-familja, anke jekk b'sempliċiment kumment jew messaġġ f'dan iż-żmien diffiċli.

Huwa saħaq li jekk xi ħadd iħobb lil xi ħadd għandu jesprimi dan f'kull mument u mhux jesprimi żmien diffiċli jew inkella l-mewt biex jagħmel dan.

More in Politika