Maġistrat tirrikuża ruħha fil-każ kontra Frederick Azzopardi

L-eks Kap Eżekuttiv ta' Infrastructure Malta qed ikun akkużat li kiser liġijiet ambjentali meta injora ordni tal-ERA biex ikomplu xogħlijiet f'Wied Qirda 

Il-proċeduri kriminali kontra l-eks Kap Eżekutiv ta’ Infrastructure Malta, Frederick Azzopardi, se jkunu qed jgħaddu f’idejn Maġistrat ieħor wara li l-Maġistrat Elaine Mercieca laqgħet it-talba li għamel Azzopardi stess biex hi tirrikuża ruħha mill-każ.

Azzopardi, li qed ikun akkużat li kiser liġijiet ambjentali, talab li Mercieca ma tismax dan il-każ hekk kif kienet diġà tat deċiżjoni fuq każ ieħor relatat. Huwa qed jisħaq ukoll li l-akkużi li qed ikun akkużat bihom għadda ħafna żmien minn fuqhom u allura suppost li waqgħu.

Ix-xahar li għadda, Azzopardi kien akkużat li kiser il-liġi dwar il-protezzjoni ambjentali għax fl-2019, allegattament, injora ordni mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi biex jieqfu xogħlijiet li kienu qed isiru f’Wied Qirda.

Huwa kien akkużat li ordna lill-kuntrattur Anthony Camilleri minn AC Group niex ikompli bix-xogħlijiet fuq triq partikolari.

Camilleri wkoll kien ittella’ l-Qorti u nstab ħati u ngħata multa ta’ €36,000. Kienet il-Maġistrat Mercieca li mexxiet dan il-każ.

Dakinhar, hi kienet qalet li Infrastructure Malta ma għamiltx sew meta ma tatx kas ordni ta’ Awtorità.

Fil-Qorti kien intqal kif il-kuntrattur kien qed jirċievi ordnijiet diretti minn Azzopardi u l-perit David Vasallo.

Azzopardi qed jiddefendi lilu nnifsu billi jgħid li x-xogħlijiet kienu bżonnjużi biex jitneħħa periklu fit-triq li hija pubblika. Qal biss li x-xogħlijiet saħħew l-istess triq.

It-triq tagħti għal residenza privata u x-xogħlijiet saru f’żona sensittiva ekoloġikament. Intqal kif ix-xogħlijiet ikkawżaw ħsara ambjentali lill-wied, fejn fost oħrajn inqalgħu siġar protetti. 

F’Jannar 2020, Arnold Cassola kien talab lill-Pulizija tinvestiga lil Azzopardi u meta ma kinux ittieħdu passi, kien kiteb lill-Bord għall-Istandards Professjonali, jakkuża lill-Pulizija li ma ħadux passi.

More in Politika