Graffitti joġġezzjonaw għall-applikazzjoni biex tkun estiża l-marina tal-Kalkara

Applikazzjoni minn Transport Malta trid li żżid il-faċilitajiet tal-irmiġġ għal 334 post

Moviment Graffitti qed topponi applikazzjoni biex jiżdiedu l-faċilitajiet tal-irmiġġ fil-marina tal-Kalkara. L-applikazzjoni qed tipproponi ż-żieda ta’ 305 postijiet għall-irmiġġ biex b’kollox ikun hemm 334 post.

L-applikazzjoni qed issir minn Transprt Malta u sa issa diġà tressqu 17-il oġġezzjoni, inkluż min-Nature Trust Malta. 

Fuq Facebook, Moviment Graffitti wissa li l-applikazzjoni se tkun qed tnaqqar b’mod drastiku l-aċċess tal-pubbliku għall-kosta u dan, meta fi kliem l-attivisti, l-ispazju miftuħ f'Malta diġà hwa wieħed limitat.

Wissiet ukoll li l-applikazzjoni se tfisser aktar tniġġis fil-port, fost oħrajn.

Fakkret li dwar dan il-proġett ma saret l-ebda konsultazzjoni pubblika, lanqas mar-residenti.

Fi stqarrija, Graffitti kkwotaw li s-Supretendenza għall-Wirt Kulturali li qalet ċar u tond li l-applikazzjoni hija dwar sit prominenti fil-Port il-Kbir u qrib bini storika. Fil-fatt, is-Supretendenza qed titlob aktar informazzjoni.

Min-naħa tagħha,  l-Ambjent u r-Riżorsi ma taħsibx li se jkun hemm impatt ambjentali kbir iżda saħqet li hemm bżonn aktar studji dwar qiegħ il-baħar.

Id-deċiżjoni mistennija tittieħed nhar id-9 ta’ Diċembru.

Ta' min ifakkar fil-pressjoni kbira li kienet saret meta kien hemm propost marina f'Wied il-Għajn, liema proġett twaqqa' biss ftit ġimgħat qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali. Kemm għaqdiet u anke r-residenti kienu qamu kontra dan il-proġett.

More in Politika