Minn għada tibda topera l-linja tal-ajru ġdida Wizz Air Malta

Il-Ministru Aaron Farrugia qal li din il-linja tal-ajru mistennija tirreġistra ammont sostanzjali ta’ ajruplani f’pajjiżna

Minn għada se tibda topera l-linja tal-ajru ġdida Wizz Air Malta bl-ewwel titjira titlaq mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Ruma fi Fiumicino.

Wizz Air Malta ngħatat l-Air Operator’s Certificate (AOC) mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni (EASA) u Liċenzja Operattiva (OL) mid-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili ta’ Malta (CAD).

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia waqt konferenza tal-aħbarijiet hekk kif wasal f'Malta l-ewwel ajruplan irreġistrat taħt Wizz Air Malta.

Il-Ministru Farrugia qal li huwa ta’ sodisfazzjon kbir li Malta ntgħażlet għal din il-linja tal-ajru ġdida, u li jinsab sodisfatt jara l-kollaborazzjoni bejn l-EASA u l-CAD.

“Qed nistennew li , biex tkompli żżid in-numru tal-flotta tagħna tad-9H, li hija diġà waħda b’saħħitha. Malta se tkompli tappoġġja lill-investituri li jagħżlu lil Malta bħala l-ġuriżdizzjoni tagħhom għall-benefiċċju ta’ din l-industrija importanti, u fl-aħħar mill-aħħar għas-saħħa tal-ekonomija tagħna”, qal il-Ministru Farrugia. 

Insista li l-iżviluppi fl-industrija tal-avjazzjoni mistennija jkollhom impatt sinifikanti fuq l-ekonomija tagħna u jiġġeneraw aktar impjiegi.

Preżenti għall-konferenza kien hemm il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, il-Brigadier Jeffrey Curmi, id-Direttur Ġenerali tal-CAD fi ħdan Transport Malta, il-Kaptan Charles Pace, il-Kap tal-Operazzjoni tad-Dipartament tal-Operazzjonijiet fl-Ajru fi ħdan l-EASA, Eduard Ciofu, u l-President ta’ Wizz Air, Robert Carey.

More in Politika