Irduppjati l-fondi għal €450,000 allokati fi skemi għaż-żgħażagħ

Il-Gvern se jkun qiegħed jinvesti d-doppju minn din is-sena għaliex jemmen bis-sħiħ li l-għaqdiet taż-żgħażagħ għandhom rwol kruċjali fis-soċjetà

Keith Azzopardi Tanti
Keith Azzopardi Tanti

Il-Gvern irdoppja l-fondi għal €450,000 fi skemi għaż-żgħażagħ. Dan ħareġ hekk kif l-Aġenzija Żgħażagħ nediet programm ta’ finanzjament għall-proġetti għas-sena l-2023 maħsuba għal għaqdiet taż-żgħażagħ bl-opportunità li jiżviluppaw inizjattivi fi ħdan il-komunità. Fost dawn l-iskemi hemm A4U, Be Active, Taħrig Mużikali taż-Żgħażagħ u l-iskema l-ġdida Invest. Dawn l-iskemi għandhom l-għan li jsaħħu r-riżorsi tal-għaqdiet taż-żgħażagħ u jagħtu opportunitajiet liż-żgħażagħ jipparteċipaw b’mod attiv fil-komunità bi proġetti li jiġu ffinanzjati, fost oħrajn.

Il-Gvern se jkun qiegħed jinvesti d-doppju minn din is-sena għaliex jemmen bis-sħiħ li l-għaqdiet taż-żgħażagħ għandhom rwol kruċjali fis-soċjetà. Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, saħaq fuq l-importanza tal-iskemi mħaddma mill-Aġenzija Żgħażagħ għaliex dawn ikomplu jservu ta’ għajnuna lill-għaqdiet li jaħdmu maż-żgħażagħ. “Dawn l-għaqdiet ikunu jistgħu jkomplu joffru spazju li fih iż-żgħażagħ tagħna jkunu jistgħu jingħaqdu flimkien u jaqsmu l-interessi u l-għanijiet komuni, filwaqt li jservu ta’ mezz biex titjieb is-soċjetà ta’ pajjiżna”, saħaq is-Segretarju Parlamentari. Huwa rringrazzja liż-żgħażagħ kollha li jagħtu sehemhom u ħinhom b’mod volontarju sabiex għaqdiet taż-żgħażagħ ikomplu joktru u jservu ta’ benefiċċju għall-komunità.

Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma qalet li illum l-Aġenzija qiegħda tagħti prijorità lill-operat tal-għaqdiet taż-żgħażagħ. "Permezz tal-iskema il-ġdida Invest se tingħata l-opportunità lill-għaqdiet li jaħdmu direttament maż-żgħażagħ biex isaħħu s-servizzi u l-amministrazzjoni tagħhom, b’hekk jiġi faċilitat xogħolhom.” Teuma żiedet tispjega li l-appoġġ li l-Aġenzija Żgħażagħ tagħti lill-għaqdiet mhux se jkun biss finanzjarju imma se tipprovdi taħriġ lil dawk li jgawdu mill-iskemi biex is-servizz tagħhom isir aktar professjonali u x-xogħol maż-żgħażagħ ikompli jikber.

More in Politika